Sunday, May 19, 2024

Il-każ ta’ Djokovic ġab lill-Awstralja għarkupptejha?

Aqra wkoll

Novak Djokovic  ġie deportat mill-Awstralja wara li tilef it-tieni appell fil-qorti biex jibqa’ fil-pajjiż, bl-imħallfin jirrifjutaw sfida mnedija mill-istilla tat-tennis mhux imlaqqam kontra l-Covid-19 wara li l-gvern ikkanċella l-viża tiegħu għal raġuni­jiet ta’ “saħħa u ordni tajba”.

Djokovic qal li kien “estremament diżappuntat” iżda aċċetta s-sentenza. Il-bieraħ huwa telaq mill-pajjiż fuq titjira lejn Dubai.

Dan jimmarka t-tmiem ta’ saga ta’ 10 ijiem, li fiha Djokovic iġġieled biex jibqa’ ħalli jiddefendi t-titlu tiegħu fl-Australian Open li se jibda llum.

Il-partitarji ta’ Djokovic baqgħu siekta barra l-awla hekk kif id-deċiżjoni tħabbret lejlet il-ftuħ tat-tournament. Partitarja qalet li s-sajf tagħha se jkun “vojt” mingħajr il-player ta’ 34 sena fl-Open ta’ Melbourne.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, laqa’ “id-deċiżjoni biex inżommu l-fruntieri tagħna b’saħħithom u nżommu lill-Awstraljani sikuri”.

Djokovic nieda l-każ wara li l-Ministru tal-Immigrazzjoni, Alex Hawke, uża s-setgħat ministerjali tiegħu biex iħassar il-viża tal-player Serb, filwaqt li argumenta li l-preżenza tiegħu fil-pajjiż tirriskja li tkattar sentiment kontra t-tilqim.

Kienet it-tieni darba li l-viża tiegħu ġiet revokata, wara li l-ewwel kanċellazzjoni minħabba li ma ssegwix ir-regoli tad-dħul tal-Covid ġiet maqluba minn imħallef diffe­renti.

Waqt is-seduta tal-bieraħ quddiem tliet imħallfin, id-difiża ta’ Djokovic argumentat mingħajr suċċess li r-raġunijiet mogħtija mill-gvern kienu “invalidi u illoġiċi”.

Il-Prim Imħallef, James Allsop, qal li d-deċiżjoni tal-Qorti Federali kienet ibbażata fuq il-legalità tad-deċiżjoni tal-ministru, mhux fuq jekk kinitx id-deċiżjoni t-tajba li tieħu.

L-ordnijiet ta’ deportazzjoni normalment jinkludu projbizzjoni ta’ tliet snin fuq ir-ritorn lejn l-Awstralja, għalkemm din tista’ titneħħa f’ċerti ċirkostanzi.

Kien hemm ħafna rabja pubblika fl-Awstralja dwar it-tentattiv tal-player li jidħol fil-pajjiż mingħajr ma jkun imlaqqam. Il-Gvern Federali ripetutament qal li n-nies għandhom jikkonformaw mal-liġijiet stretti fis-seħħ biex jittrattaw il-pandemija, u li ħadd ma huwa “’l fuq mil-liġi”.

Djokovic oriġinarjament ingħata eżenzjoni medika biex jidħol fl-Awstralja minn żewġ bordijiet tas-saħħa indipendenti differenti –  wieħed ikkummissjonat minn Tennis Australia, l-ieħor mill-Gvern tal-Istat ta’ Victoria –  wara li kien ittestja pożittiv għall-coronavirus f’nofs Diċembru.

Madankollu, fil-5 ta’ Jannar, il-Forza tal-Fruntiera Awstraljana żammitu talli ma ssodisfax ir-rekwiżiti federali tal-coronavirus, u l-viża tiegħu ġiet revokata.

Imħallef aktar tard qaleb dik id-deċiżjoni, iżda l-gvern daħal jilgħab nhar il-Ġimgħa li għadda biex jerġa’ jirrevoka l-viża, u qal li dan kien fl-interess pubbliku.

Għalkemm Djokovic mhuwiex imlaqqam kontra l-Covid-19, huwa ma ppromwovax b’mod attiv id-diżinformazzjoni kontra l-vaċ­ċin. Madankollu, l-anti-vaċċini Awstraljani ilhom jużaw il-hashtag #IStandWithDjo­kovic fuq il-midja soċjali.

Il-battalja tal-viża hija wkoll fiċ-ċentru ta’ filliera politika fil-pajjiż.

Fl-istqarrija tiegħu l-bieraħ, Morrison qal li l-gvern kien “lest jieħu d-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet meħtieġa biex jipproteġi l-integrità tal-fruntieri tagħna”.

Iżda l-politikanta tal-oppożizzjoni Awstraljana, Kristina Keneally, qalet li Morrison kien għamel lilu nnifsu “iċ-ċajta tad-dinja” billi mexxa l-każ ta’ Djokovic ħażin, hekk kif staqsiet għaliex il-player mhux imlaqqam ingħata viża fl-ewwel lok.

It-Italjan Salvatore Caruso, fil-150 post fid-dinja, huwa t-“tellief fortunat” li issa se jieħu post Djokovic fil-logħba tal-ftuħ kontra s-Serb Miomir Kecmanovic.I

Sport