Tuesday, May 14, 2024

Intervista ma’ Nikola Gulan … l-akkwist il-ġdid ta’ Balzan FC

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Ftit tal-jiem ilu, wasal Malta l-player ta’ nofs il-ground Serb, Nikola Gulan, sabiex jingħaqad uffiċjalment ma’ Balzan FC.

Gulan huwa wieħed minn żewġ akkwisti ta’ profil għoli li għamlu Balzan sa issa hekk kif qed ifittxu li jiksbu post fl-Ewropa fl-istaġun li ġej.

Mal-wasla tiegħu f’Malta, Gulan kien milqugħ mit-team manager tal-club Roderick Bajada.

Gulan twieled fil-belt ta’ Belgrad, nhar it-23 ta’ Marzu, 1989, u llum il-ġurnata għandu 32 sena. 

Huwa prodott tal-akkademja ta’ FK Partizan u kellu x-xorti jiddebutta mat-team tal-kbar meta kellu biss 17-il sena. 

Iktar ma għadda ż-żmien, aktar beda jidher it-talent tiegħu u ma kinitx sorpriża sena wara ngħaqad ma’ Fiorentina b’kuntratt ta’ erba’ snin. 

Minkejja li għamel ħa­mes snin reġistrat mat-team li jilgħab fi Stadio Artemio Franchi, huwa lagħab biss disa’ darbiet bil-flokk vjola u f’dak iż-żmien kien misluf lil diversi timijiet fost­hom Sampdoria, 1860 Munich, Empoli, Chievo u Mo­dena. 

Fis-snin ta’ wara huwa lagħab ukoll ma’ Partizan, Mallorca, Royal Excel Mouscron, Hapoel Haifa u BK Hacken. 

Fis-snin bejn l-2007 u l-2010, huwa kellu x-xorti jirrappreżenta lil pajjiżu għal 22 darba fil-kategorija ta’ Taħt il-21 sena għalkemm ma rnexxielux jiskorja xi goal.

Gulan huwa meqjus bħa­la player versatili hekk kif kapaċi jilgħab man-naħa xellugija u ċentrali tad-difiża filwaqt li mhux l-ewwel darba li kellu rwol ta’ player f’nofs il-ground.

Fil-fatt ħafna coaches li ħadmu miegħu kkummentaw li jsibuha faċli li jagħtu rwol lil Gulan peress li għandu kapaċitá jilgħab f’pożizzjonijiet daqshekk differenti.  

Dan ik-ġurnal iltaqa’ ma’ Gulan nnifsu fejn tkellem dwar il-karriera tiegħu li issa ilha madwar 16-il sena. 

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-football?

Tista’ tgħid li bdejt nilgħab il-football fit-toroq ta’ Belgrad, il-post fejn twelidt. Ma kienx ikun hemm post fejn ma kontx nilgħab il-ballun fosthom fit-triq, f’xi ġnien jew inkella fil-ground stess. 

Missieri u ommi nnutaw il-potenzjal li kelli u rreġistrawni ma’ Partizan Belgrade li, bla dubju, huwa wieħed mit-timijiet ewlenin li hemm fis-Serbja.

Kienet xewqa li saret realtá u kont ferm kburi li qed nilbes il-flokk ta’ dan il-club. Bdejt nirsisti ħafna fis-sessjonijiet ta’ taħriġ u ħadt il-premju ta’ dan kollu meta fl-istaġun 2006/2007 ngħatajt id-debutt mat-team tal-kbar meta kelli 17-il sena. 

Verament niftakar kollox minn dik il-partita li lgħabt u l-mumenti meta messejt il-ballun. 

Kienet ta’ sorpriża għalija meta ta’ 18-il sena ġejt avviċinat mit-team tas-Serie A fl-Italja, Fiorentina sabiex ningħaqad magħhom.

Huma tawni kuntratt ta’ erba’ snin għalkemm kelli problema. Il-fatt li l-club minn Firenze ma kellux ‘l hekk imsejħa non-EU registration quota, ma kontx eliġibbli li nilgħab magħ­hom u kien għalhekk li tawni parir sabiex immur b’self ma’ xi team ieħor. 

Fl-istaġuni ta’ wara lgħabt fl-Italja ma’ Sampdoria u Cagliari  kif ukoll Empoli, Chievo u Modena. 

Dan l-isport laqqagħni wkoll ma’ pajjiżi u kulturi oħra differenti minħabba li lgħabt ukoll fi Spanja, Iż­rael, il-Belġju u l-Isvezja.

Iżda kif tista’ tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Fio­rentina?

Kif għedtlek, il-fatt li ma stajtx nilgħab b’mod regolari affettwatni xi ftit għal­kemm kelli ċ-ċans nilgħab disa’ darbiet bil-flokk vjola.

Dak iż-żmien it-team kellu diversi players validi fosthom il-goalkeeper Sebastian Frey, Fabio Liverani, Tomas Ujfalusi u Christian Vieri. 

Tgħallimt ħafna mingħand dawn il-players partikolarment fis-sessjonijiet ta’ taħriġ li l-coach ta’ dak iż-żmien, Cesare Prandelli, kien iħejji. 

Barra minn hekk, fi Stadio Artemio Franchi sibt ukoll Serb bħali Adem Ljajic u nista’ ngħid li kien wieħed mill-akbar ħbieb tiegħi hemmhekk. 

Huwa għeni wkoll sabiex nadatta aktar l-ambjent. Ma nistax ma nsemmix ukoll player kbir bl-isem ta’ Stefan Jovetic li kien ferm determinanti bil-goals li kien jiskorja għat-tim. 

Kemm jiena kif ukoll Jovetic u Ljajic konna ġejjin mill-istess skola ta’ football minn Partizan Belgrade u dan għen ukoll f’dan iż-żmien partikolari fl-Italja. 

Fil-fatt kien biss fl-aħħar parti tal-karriera tiegħi hemm­hekk li bdejt nil­għab xi ftit għalkemm il- kompetizzjoni bejn id-di­fensuri kienet waħda ħarxa.

Int lgħabt ukoll ma’ Sampdoria. X’tiftakar minn din l-esperjenza?

Irrid ngħid li ma’ Sampdoria domt biss ftit xhur minħabba li ftit kont qed ningħata ċans nilgħab.

F’dak iż-żmien, id-Doria­ni kellhom lil Antonio Cassano fl-aqwa tiegħu u kien wieħed mill-iktar players favoriti tal-partitarji.

Kienet ukoll esperjenza unika u partikolari għax mort f’ambjent differenti minn Firenze, f’belt viċin il-baħar f’ambjent mill-isbaħ.

Madankollu ftit nista’ nitkellem fuq din l-esperjenza qasira għax qatt ma lgħabt fl-ewwel team.

Minkejja kollox, kellek sehem importanti ma’ Empoli fis-Serie B hux hekk?

Iva fil-fatt wara l-perjodu ferm qasira fil-Ġermanja ma’ 1860 Munich, erġajt mort nilgħab fir-reġjun tat-Toscana, din id-darba ma’ Empoli li dak iż-żmien kienu fis-Serie B. 

Kelli staġun mill-aqwa fejn lgħabt 25 logħba u għalkemm ma skorjajt l-ebda goal, tajt kontribut siewi fid-difiża. 

Wara l-perjodu sabiħ li kelli ma’ Partizan, inqis dan iż-żmien bħala l-isbaħ wieħed fil-karriera tiegħi.

Dan kollu kien qed iseħħ anke għax ftit tax-xhur qabel kont għadni ġej minn injury xi ftit twila u ma kinitx faċli sabiex nirritorna lura. Madankollu meta ssib l-għajnuna, tasal fejn tixtieq.

Kif ġejt tilgħab hawn Malta?

Ġejt avviċinat minn Bal­zan FC sabiex nin­għaqad magħhom f’nofs dan l-is­taġun. 

Il-club spjegali l-ambiz­zjonijiet tiegħu, speċjalment dik li jilagħbu fil- kompetizzjonijiet Ewropej u jien ma tantx domt naħsibha tant li għedt iva mal-ewwel. 

Nixtieq ngħin sabiex dan il-club jikseb l-objettivi tiegħu u se nagħti l-massimu tiegħi bħalma dejjem għamilt. 

Nixtieqek twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż- żgħażagħ li bħalek jixtiequ jaqbdu karriera fil-football.

L-ewwel u qabel kollox, il-player irid jitgħallem jisma’ u jobdi minn dawk li jridulu l-ġid fosthom il-ġenituri u l-coaches.

Dejjem importanti li żżomm saqajk mal-art u li tilgħab il-football b’imħabba liema bħalha. 

Jien dejjem imxejt ma’ dan il-prinċipju u hekk tinduna li r-riżultati personali u anke dawk kollettivi jaslu wkoll. 

Sport