Wednesday, April 24, 2024

Illum jirritorna l-Kampjonat Premier … bil-partita Valletta v Floriana

Aqra wkoll

Meta llum jissokta l- BOV Kampjonat Premier wara l-festi tal-Milied u wara d-dewmien minħabba l-Covid-19, l-aktar partita li tispikka tkun dik bejn ir-rivali eterni, Valletta u Floriana. 

Il-leader Hibernians ji­lagħbu kontra Sirens f’dik li hija mequsa bħala partita delikata filwaqt li fuq il-karta Hamrun Spartans m’għandhomx ifallu kontra Mosta. 

Valletta v Floriana – Din hija l-aqwa partita ta’ dan il-programm fejn Valletta għandhom iċ-ċans li jpattu għad-diżappunt tat-telfa tal-ewwel round bl-iskor ta’ 3-0 kontra Floriana. 

Iżda l-affarijiet qed jid­hru tajbin għal dawn tal-aħħar fit-tentattiv li jtemmu mal-aħħar erbgħa u rebħa tfisser li minbarra jsaħħu t-tieni post, jiftħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-istess Beltin.

Min-naħa l-oħra, Valletta għandhom bżonn jirritornaw lura għar-rebħ wara li sofrew żewġ telfiet suċċessivi, kontra Hamrun Spartans (1-0) u Balzan (2-1).

Din hi sitwazzjoni delikata għalihom u ma jistgħux iwaqqgħu aktar punti.

Huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż James Arthur filwaqt li Christian Rutjens u Jose Arias Uli­ses se jirritornaw għal Floriana minn sospensjoni.

Hamrun S. v Mosta – Hamrun Spartans jiffaċċjaw lil Mosta u għalkemm jibdew bħala favoriti, jinsabu konxji mill-fatt li ma jistgħux jiżolqu hekk kif jinsabu distakkati 10 punti mil-leaders Hibernians b’logħba inqas. 

Pass falz ikun ifisser li jċedu t-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu hekk kif il-Pawlisti rari jwaqqgħu xi punti u jistgħu jisparixxu mill-orizzont!!

Filwaqt li l-Ispartans jimmiraw għar-raba’ rebħa konsekuttiva, se jfittxu li jagħmlu aktar pressjoni fuq Mosta li qed jissieltu kontra r-relegazzjoni hekk kif jinsabu fiż-żona l-ħamra kif ukoll ikunu qed ifittxu l-ewwel rebħa f’sitt ħarġiet.

Fl-ewwel round, Hamrun rebħu 2-1 u għaldaqstant jimmiraw li jirrepetu dan is-suċċess.

Huma se jkunu mingħajr il-Marokkin Soufiane Lagzir li telaq jilgħab fis-Serie D fl-Italja.  Min-naħa l-oħra, Mosta se jkunu mingħajr is-sospiż Tyrone Farrugia.

Sliema W. v Gzira U. – Dan huwa konfront bejn żewġ ġirien li s’issa ddiżappuntaw. 

Filwaqt li Gzira United jinsabu sitt punti biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni, Sliema Wanderers għadhom qed ifittxu l-ewwel reb­ħa tagħhom fi 12-il ħarġa, fejn irreġistraw tmien telfiet bil-konsegwenza li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika … tmien punti ‘l bogħod mis-salvazzjoni u fir-realtà jinsabu f’periklu kbir li jitilfu posthom mal-kbar għat-tieni darba fl-istorja 

Min-naħa tal-Maroons, jimmiraw għal rebħa biex isaħħu ċ-ċansijiet tagħhom għaċ-Championship Pool. 

Il-Wanderers issaħħew bil-firma ta’ Matteo Piciollo, Oscar Linton u Martin Davies, iżda jinsabu mingħajr is-sospiż Kurt Shaw.

Il-Maroons ffirmaw żewġ difensuri Kroati, Antonio Pavic u Marco Cosic, iżda Luke Tabone u Jackson Mendoza huma t-tnejn sospiżi.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet ħadu punt kull wie­ħed fi draw ta’ 1-1.

Hibernians v Sirens – Hibernians jaffrontaw lil Sirens fejn jimmiraw li jkomplu jsaħħu l-ewwel post hekk kif jinsabu tmien punti fuq Floriana. 

Iżda Sirens, li jinsabu żewġ punti ‘l bogħod mir-raba’ post, jimmiraw li jagħtu l-ewwel telfa lill-Pawlisti. 

Fl-aħħar partita tagħhom iż-żewġ timijiet irreġistraw rebħa – Hibernians għelbu lil Gudja United 2-1 u Sirens għelbu lil Mosta 3-2. 

Iżda Hibs skorjaw il-goal tar-rebħa fil-ħin miżjud kontra team li kien sfortunat li ħareġ b’idejh vojta mill-ground. 

 Issa qed jiffaċċjaw avversarju aktar diffiċli u jridu jtejbu “l-attitudni” tagħ­hom lejn il-logħba.

Fl-ewwel round Hiber­nians irreġistraw rebħa ta’ 3-1.

Iżda jridu jgħaddu mingħajr is-servizzi tas-sospiż Ferdinando Apap filwaqt li l-players ta’ Sirens huma kollha disponibbli.

Sta Lucia v Gudja U. – Sta Lucia u Gudja United jiltaqgħu f’konfront tan-naħa t’isfel tal-klassifika hekk kif, flimkien ma’ Mosta, jinsabu fiż-żona l-ħamra bi 11-il punt kull wieħed. 

Din hija partita bilanċjata b’possibbiltá ta’ riżultat ta’ draw iżda xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji ta-żewġ timijiet.

Il-Luċjani jistgħu jagħtu d-debutt lill-goalkeeper, Justin Haber, li ngħaqad magħhom mingħand Gzira United iżda għandhom lil  Gianmarco Conti u Victor Luiz Filho sospiżi.

Min-naħa l-oħra, Gudja se jkunu mingħajr Fa­rid Zuniga sospiż iżda jilq­għu lil Tensior Gusman mis-sospensjoni.

Birkirkara v Balzan – Birkirkara, li l-aspirazzjo­nijiet tagħhom għar-rebħ tat-titlu ħadu daqqa ta’ ħarta kbira, jiltaqgħu kontra l-ġirien Balzan li fl-aħħar partita tagħhom irreġistraw rebħa ta’ 2-1 kontra Valletta. 

L-Istripes, li fil-bidu tal-istaġun kienu meqjusa fost l-isfidanti għar-rebħ tat-tit­lu, fl-aħħar sitt partiti ma kienux daqstant konsistenti hekk kif kisbu biss seba’ punti minn possibbiltá ta’ 18. 

Bħalissa huma jinsabu 11-il punt taħt il-leaders Hibernians, b’logħba inqas, iżda ma għandhom l-ebda ċertezza li minnha se jieħdu t-tliet punti. Għaldaqstant din hija opportunitá biex inaqqsu d-distakk fejn jimmiraw li jirrepetu s-suċċess tal-ewwel round hekk kif ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.

Iżda b’rebħa, Balzan jaq­bżu lill-istess Birkirkara b’żewġ punti fir-raba’ jew fil-ħames post tal-klassifika. 

U wara l-prestazzjoni brillanti tagħhom kontra Valletta żgur li se jagħmlu dak kollu possibbli biex jirbħu t-tliet punti. 

Huma saħħew l-iskwadra tagħhom bil-wasliet tal-winger Olandiż Alvin Daniels u l-midfielder Serb Nilola Gulan. Iżda Sean Cipriott se jkun għax sospiż. Min-naħa l-oħra Ryan Scicluna jinsab sospiż għal Birkirkara.

PROGRAMM KOLLU

Illum

Tony Bezzina Stadium

7.00 pm: Hamrun S. v Mosta

National Stadium

7.00 pm: Valletta v Floriana

Għada

Centenary Stadium

5.00 pm: Sliema W. v Gzira U.

Tony Bezzina Stadium

7.00 pm: Hibernians v Sirens

Il-Ħamis

Centenary Stadium

5.00 pm: Sta Lucia v Gudja U.

9.00 pm: Birkirkara v Balzan

Sport