Tuesday, May 14, 2024

Il-każ tal-barriera viċin Għar Lapsi… “qed naraw li t-tħassib jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kollha”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli tkellmet dwar il-każ tal-barriera viċin Għar Lapsi. Hija qalet li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) investigat din il-barriera fuq aspetti li tista’ tinvestiga fuqhom.

Dan bħala parti mill-irwol regolatorju tagħha li jinkludi wkoll il-konformità mal-permess ambjentali fuq din il-barriera għall-immaniġġjar ta’ skart tal-kostruzzjoni u ta’ fjuwils fis-sit, emissjonijiet ta’ trab u aspetti ambjentali oħra

“Fil-fatt, l-ERA hi waħda mill-awtoritajiet responsabbli fir-regolazzjoni ta’ din il-barriera. Qed naraw li t-tħassib li kien hemm jiġi indirizzat ukoll mill-awtoritajiet kollha b’mod wieħed,” qalet il-Ministru Dalli waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi finanzjarji tal-ERA.

Hija semmiet ukoll każ ieħor fejn terrapien kien intefa’ b’mod illegali fid-Dwejra, Għawdex. Qalet li l-Awtorità identifikat il-persuna u tat 15-il ġurnata ċans biex il-materjal jitneħħa u l-ERA baqgħet issegwi dan il-każ. 

L-istess kif segwiet mill-viċin każ ieħor ta’ tfigħ ta’ materjal estensiv f’żona protetta fil-limiti tal-Fawwara. L-ERA qabdet lill-persuna responsabbli, ordnatlu jnaddaf u dan it-tindif beda jsir. 

Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li fl-2021, l-ERA kompliet bil-ħidma tagħha sabiex issaħħaħ l-ambjent fil-gzejjer Maltin. Fl-istess waqt, rat ukoll li tinvesti fil-qasam diġitali b’mod li tiżdied l-effiċjenza u l-effettività.

Dwar l-infurzar, hija spjegat li l-ERA kompliet bl-isforzi tagħha biex tassigura konformità mal-liġijiet ambjentali. “Matul is-sena li għaddiet aktar minn 8,400 spezzjoni minn ħames timijiet differenti b’rabta man-natura, faċilitajiet industrijali, interventi fuq siġar protetti u oħrajn u saru żewġ azzjonijiet diretti dwar illegalitajiet f’barriera fejn l-operatur beda jdaħħal skart mill-industrija tal-kostruzzjoni u jirriċiklah mingħajr permess ambejntali għad-detriment taż-żoni fil-viċin.”

Sport