Il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet uffiċjalment il-ġbejna tan-nagħaġ bħala Prodott ta’ Denominazzjoni Oriġini Protetta (DOP). Dan kien riżultat ta’ diskussjonijiet kontinwi mal-Kummissjoni Ewropea fis-snin li għaddew li wassal għal ftehim li jassigura l-liġijiet marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-ġbejna tan-nagħaġ, sabiex dawn ikunu konformi ma’ dak li huwa mistenni minna bħala Stat Membru Ewropew.
Dawn it-taħditiet wasslu għal standards xierqa kemm fil-kwalità tal-prodott kif ukoll għall-ħarsien tas-saħħa tal-konsumaturi Ewropej. Bi qbil ukoll mal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern ħadem qatigħ biex it-tradizzjonijiet marbuta mal-proċess tal-ġbejniet ma jintilfux. Għaldaqstant, sar ukoll impenn min-naħa tal-awtoritajiet Maltin biex l-applikazzjoni li ddaħħlet mix-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż ikollha l-informazzjoni kollha meħtieġa għal skrutinju u evalwazzjoni, skont il-kriterja stabbilita mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex il-ġbejna tan-nagħaġ tkun protetta.
Dan wassal biex mil-lum nistgħu nibdew naraw fuq l-ixkafef tal-ħwienet tagħna “il-ġbejna tan-nagħaġ” bl-ittikkjettar li jispeċifika li dan il-prodott ingħaqad mal-bqija tar-reġistru ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti Ewropej (DOP). Dan ifisser li l-ġbejna mil-lum se jkollha l-istatus xieraq kemm maċ-ċittadini mill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll turisti li jżuru pajjiżna; u tingħata prominenza fil-lista ta’ prodotti ta’ kwalità fil-qbil li l-Unjoni Ewropea għandha mas-sħab kummerċjali madwar id-dinja.
Fil-fatt, fi Brussell, fil-marġini tal-Kunsill tal-Ministri tal-Agrikoltura, il-Ministru Anton Refalo ġie ppreżentat mill-Kummissarju Ewropew Christophe Hansen iċ-ċertifikat li jimmarka dan ir-rikonoxximent storiku għal pajjiżna.
Waqt attività mtella’ f’Dar Malta sabiex tkun iċċelebrata din l-okkażjoni, fil-preżenza tal-President tax-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż, il-Ministru Anton Refalo faħħar il-ħidma li saret mill-Organizzazzjoni Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż flimkien ma’ diversi entitajiet pubbliċi fosthom MCCAA sabiex seta’ jingħata lil pajjiżna dan ir-rikonoxximent. Huwa rringrazzja wkoll lill-għexieren ta’ raħħala Maltin u Għawdxin li jaħdmu ta’ kuljum sabiex jipproduċu prodotti ta’ kwalità.
Il-Ministru Refalo rrefera wkoll għall-proċess li għaddej bħalissa sabiex fix-xhur li ġejjin, naraw l-istess proċess din id-darba fir-rigward tal-mazzit. Dan l-impenn għandu jwassal biex dan il-prodott lokali, bħall-ġbejna tan-nagħaġ, ma jibqax biss parti mill-identità kulinarja Maltija, imma wkoll jiġi rikonoxxut mal-bqija tal-prodotti l-oħrajn tradizzjonali Ewropej.