VALLETTA ……………………. 2
SLIEMA W. ……………………..1
Valletta kisbu rebħa drammatika ta’ 2-1 kontra Sliema Wanderers f’konfront missielet li ntemm bil-goal deċiżiv ta’ Yannick Yankam fid-99 minuta. B’dan is-suċċess, it-team immexxi minn Thane Micallef ħareġ rebbieħ minn partita mimlija azzjoni, kontroversji u żewġ tkeċċijiet.
L-ewwel azzjonijiet perikolużi waslu minn Sliema, b’Limbombe u Jean Borg jippruvaw jiftħu l-iskor, iżda l-goalkeeper ta’ Valletta, Aguero dos Santos, u d-difiża Beltija żammew lill-avversarji milli jiskurjaw.
Il-partita kompliet tkun bilanċjata sakemm, fil-45 minuta, Sliema spiċċaw jilagħbu b’10 players. Wara intervent tal-Football Video Support (FVS), ir-referee Fyodor Zammit biddel il-karta safra li kien ta lil Steve Pisani għal karta ħamra, wara foul fuq Bruno Gomes. Id-deċiżjoni qanqlet protesti mill-coach ta’ Sliema, Branko Nisevic, iżda t-tkeċċija baqgħet fis-seħħ.
Fil-bidu tat-tieni taqsima, iż-żewġ timijiet komplew ifittxu l-goal. Valletta ħolqu opportunitajiet permezz ta’ Andrea Zammit, filwaqt li Limbombe pprova ipoġġi lil Sliema fil-vantaġġ. Fl-54 minuta, Valletta ngħataw penalty wara li Drobarov waqqa’ lil Andrea Zammit fil-kaxxa. Sliema talbu reviżjoni permezz tal-FVS, iżda d-deċiżjoni ġiet ikkonfermata … u b’xutt imkaxkar ANDREA ZAMMIT għeleb lil Bonello biex poġġa lil Valletta fil-vantaġġ, 1-0.
Sliema għamlu reazzjoni u fit-63 minuta, free-kick ta’ Gambarte ġie salvat darbtejn fuq il-linja, l-ewwel minn Jake Azzopardi u mbagħad minn Aguero dos Santos. Ftit wara, Satariano kellu tentattiv ieħor imdawwar f’corner mill-goalkeeper Belti.
Il-persistenza tas-Slimiżi tat il-frott fl-74 minuta, meta cross ta’ Robin Polley sab lil ANTHONY EKANGO, li b’daqqa ta’ ras mill-viċin għeleb lil Aguero dos Santos. Valletta appellaw għal reviżjoni tal-FVS, billi sostnew li l-iskorer kien f’pożizzjoni ta’ offside, iżda l-goal ġie kkonfermat u l-iskor sar 1-1.
Fit-88 minuta, Valletta wkoll spiċċaw b’10 players meta Brandon Paiber irċieva t-tieni karta safra u tkeċċa. Minkejja dan, il-Beltin komplew jemmnu fir-rebħa u, meta kollox kien jidher li se jispiċċa fi draw, wasal il-mument deċiżiv.
Fid-99 minuta, Valletta rebħu corner minn fuq ix-xellug. Ewurum ta l-ballun fil-kaxxa u Yannick Yankam antiċipa lid-difensuri Slimiżi biex b’daqqa ta’ ras għeleb lil Bonello u ta r-rebħa lit-team tiegħu bl-iskor ta’ 2-1.
Valletta: Adilson Aguero Dos Santos, Ermin Bicakcic, Andrea Zammit (Keyon Ewurum 67), Bruno Gomes De Oliveira Conceicao, Brandon Diego Paiber, Jake Azzopardi (Yannick Yankam 83), Diogo Joao De Figueiredo Tavares (Thaylor Aldama 61), Roko Prsa (Mohamed Sylla 68), Moise Emmanuel Mbende, Sava Radic, Manuel Ignacio Morello (Mattias Ellul 67) – Coach: Thane Micallef
Sliema W.: Henry Bonello, Jean Borg (Christ Sarkodje Kouadio71), Brian Ariel Gambarte (Matteo Madeira Lorenzi 91), Gustavo Alcino, Anthony Limbombe Ekango (Alli Wale Musa 91), Nikolaos Karelis (Adam Magri Overend 46) (Ubada Hijazi 98), Alexander Satariano, Vlatko Drobarov, Ionut Sebastian Cojocaru, Robin Polley, Steven Pisani – Coach: Branko Nisevic
Referee: Fyodor Zammit
assistenti: Jurgen Spiteri, Shaun Calleja
Raba’ Uff.: Emanuel Grech
Skorers: A. Zammit 57 pen, Y. Yankam 99 (V); A. Ekango 74 (SW)
Ammoniti: D. Paiber, B. Conceicao, S. Radic (V); V. Drobarov, B. Gambarte, M. Lorenzi (SW)
Tkeċċew: S. Pisani 45 (SW); D. Paiber 88 (V)
Player tal-Logħba: Jake Azzopardi (Valletta)




