“Napella lis-sapporters tagħna specjalment lil Ġirbin biex jemmnu li nistgħu nirbħu u sabiex jibqgħu wara t-tim tagħna sal-aħħar. Fuq kollox nappella lil pubbliku inġenerali biex nuru rispett dejjem lil xulxin”.
Iddikjara dan il-membru tal-kumitat tal-klabb tar-Regatta tal-Birgu Clint Cope f’intervista ma’ dan il-ġurnal, hekk kif bħalissa għaddejin il-preparamenti biex nhar it-Tlieta 8 ta’ Settembru tittella’ ir-Regatta.
Dan il-ġurnal tkellem ma’ Cope dwar ir-Regatta u dwar kemm din tkun tinvolvi ħidma li kultant ma’ jidirx. Dwar dan, Cope beda biex qalilna li l-preparamenti ilhom għaddejjin full swing qisu matul l-aħħar tlett xhur.

Cope enfasizza fuq il-fatt li l-qaddiefa jaħdmu s-sena kollha. Waqt li uriena l-kajjikki li normalment intużaw mill-qaddiefa dakinhar tar-Regatta, Cope spjegalna li qisu l-aħħar xahrejn u nofs, il-qaddiefa jaqbdu , jinżlu fid-dgħajjes u li bħala klabb ix-xogħol ikompli jintensifika.
Is-sehem tal-Birgu fir-Regatta
Il-Birgu huwa wieħed mill-eqdem distretti marbuta mat-tiġrijiet tad-dgħajjes fil-Port il-Kbir, flimkien mal-Bormla u l-Isla. Fil-fatt, l-istorja tat-tiġrijiet fil-Port il-Kbir tmur lura sekli. Tant hu hekk, li l-Birgu kien fost il-lokalitajiet li kienu jipparteċipaw fit-tiġrijiet tal-Vitorja tal-1822.
Matul is-snin, il-Birgu kellu wkoll suċċessi importanti. Il-Birgu rebaħ l-Aggregate Shield tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien fl-2025, suċċess li kompla jsaħħaħ ir-reputazzjoni tal-klabb fix-xena tar-Regatta Maltija. Ir-rekords storiċi juru wkoll li l-Birgu kiseb numru konsiderevoli ta’ rebħiet kemm fir-Regatta tal-Vitorja kif ukoll f’dik ta’ Jum il-Ħelsien.
Dedikazzjoni li tibda ħafna qabel il-ġurnata tar-Regatta
Dan l-ispirtu huwa parti mill-istorja tal-Birgu. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, meta r-Regatta reġgħet bdiet fl-1951, il-Birgu kien fost il-klabbs li ħadu sehem b’mod attiv, flimkien ma’ Marsa u l-Isla, u matul is-snin ta’ wara kompla jkun fost il-komunitajiet li jżommu ħajja din it-tradizzjoni.

Għalhekk, meta d-dgħajjes tal-Birgu jidħlu fil-Port il-Kbir, il-kompetizzjoni tkun qed tirrappreżenta aktar minn sempliċi tiġrija. Hija sfida sportiva li fiha jidħlu l-istorja, il-kburija u l-passjoni ta’ belt li għal sekli sħaħ kellha rabta qawwija mal-baħar.
Hu proprju għalhekk, li r-Regatta tal-8 ta’ Settembru għandha sinifikat speċjali għall-Birgu. Din issir fil-Port il-Kbir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Vitorja, jum li jfakkar, fost l-oħrajn, it-tmiem tal-Assedju l-Kbir tal-1565.

