Tuesday, April 1, 2025

IL-KONĠESTJONI TAT-TRAFFIKU…PROBLEMA TAGĦNA LKOLL

Aqra wkoll

Il-Gvern ħabbar 45 miżura mmirati biex itaffi l-konġestjoni tat-traffiku f’pajjiżna. Dawn l-inizjattivi huma bbażati fuq seba’ pilastri li l-mira tagħħhom hija li b’xi mod naslu biex il-karozzi jonqsu mit-toroq tagħna. Dawn il-miżuri mħabbra huma parti mill-viżjoni innovattiva u strateġika tal-Gvern.

Ma setax jonqos li minn qabel tħabbru ufffiċjalment uħud minnhom kienu diġà qegħdin fuq ilsien kulħadd b’mod partikolari dik tal-għotja ta’ €25,000 fuq ħames snin lil sewwieqa li jċedu l-liċenzja tagħhom għal ħames snin.

Dan hekk kif somma bħal din mhux ta’ min wieħed ma jikkonsidrahiex. Aktar minn hekk imma, il-konġestjoni tattraf­fiku li ilna nesperjenzaw, f’dawn is-snin kompliet tippersisti u qiegħda ddejjaq lil kull min iqatta’ s-sigħat twal iffrustrat wara l-isteering. Quddiem din is-sitwazzjoni għandna problema u għal kull problema l-ħars idur lejn l-istat u s-soluzzjonijiet huma mistennija, qisu b’mod awtomatiku, minnu.

Jiġri li ħafna drabi wkoll li l-awtoritajiet jiġu akkużati għal infrastruttura inadegwata u ppjanar urban fqir. Imma, għandna nirrikonoxxu li l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku mhijiex tal-Gvern biss. Din hija problema tagħna lkoll. Dan għax fl-aħħar millaħħar aħna qegħdin inbatuha. Hawn, wieħed jistaqsi, imma kif jien nista’ nsolvi l-problema tat-traffiku ta’ pajjiżi?

Meta wieħed iħares biss, biss, lejn in-numri naraw kif l-ammont tal-karozzi f’pajjiżna qiegħed dejjem jiżdied u dan nemmnu li qiegħed jiżdied b’mod esaġerat. Fil-fatt, mill-aħħar statistika naraw kif matul ir-raba’ kwart tas-sena loħra, l-ammont ta’ vetturi bil-liċenzja f’Malta żdiedu b’2,518 fuq it-tliet xhur ta’ qabel.

Dan b’medja netta ta’ 27 vettura kuljum. Il-biċċa l-kbira tagħhom, eżattament 3,580 (63.4%), irriżultaw karozzi tal-passiġġieri. Jiġifieri karozzi li ċ-ċittadini jużaw bħala mezz ta’ trasport. Fattur li qed jaċċenwa l-problema. Kulħadd irid il-karozza tiegħu… Kulħadd irid il-kumdità… Startja u itlaq!

Filwaqt li nifhmu li karozza hija konvenjenti, nemmnu li kull ċittadin għandu rwol kruċjali li bih jista’ jew jiggrava jew inkella jtaffi l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku. Nemmnu li wasal iż-żmien li nirrikonoxxu li t-traffiku mhuwiex biss problema li jrid jindirizza waħdu l-Gvern imma li hija tagħna lkoll.

B’koperazzjoni u ħidma kollettiva, flimkien nistgħu naslu li jekk almenu mhux insolvu kompletament, naslu biex ntaffu sew din il-problema rikorrenti. Fil-fatt, bliet madwar id-dinja naqqsu b’suċċess il-konġestjoni u dan għamluh permezz ta’ taħlita ta’ titjib fl-infrastruttura u koperazzjoni pubblika li jvarjaw minn tariffi talkonġestjoni, korsiji dedikati għar-roti, trasport pubbliku mtejjeb u żoni pedonali.

Għaldaqstant, jeżistu soluzzjonijiet imma dawn jeħtieġu parteċipazzjoni pubblika. Min-naħa tagħhom il-gvernijiet għandhom jieħdu deċiżjonijiet għal alternattivi tat-trasport effiċjenti kif fil-fatt qed isir lokalment fosthom dak tat-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd u inizjattivi bħalma għadhom kemm ġew imħabbra mill-Gvern. Hawn jiġi minna li mbagħad nikkoperaw u nħaddnuhom.

Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ġlieda kontra l-konġestjoni tattraf­fiku mhijiex biss li ma nitilfux ħafna ħin fi kju li ma jispiċċa qatt ta’ karozzi imma, huwa wkoll dwar li jkollna kwalità ta’ ħajja fl-ispazji urbani tagħna.

Nistgħu, bħala sewwieqa frustrati, jew inkomplu nilmentaw jew inkella, minflok, nieħdu azzjoni billi aħna stess naħsbu u nevalwaw mill-ġdid ta’ kif għandna nivvjaġġaw.

Meta jkunu proposti soluzzjonijiet bħal dawn, qabel ma nfajruhom ’l barra mit-tieqa, għandna nikkonsidrawhom bis-serjetà u jekk possibbli, inkunu parteċipi. Hemm soluzzjonijiet ta’ mobilità aktar intelliġenti u sostenibbli.

It-triq għall-bidla tibda minn kull wieħed u waħda minna b’mira ta’ kollaborazzjoni kollettiva. Dan, fl-aħħar millaħħar, għall-ġid ta’ kulħadd. Hekk il-problema tat-traffiku minflok tkun problema tagħna lkoll issir soluzzjoni tagħna lkoll.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport