L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tixtieq tfakkar lill-konsumaturi li għandhom jiġu infurmati b’mod ċar dwar kwalunkwe service charge applikabbli qabel ma jagħmlu l-ordni tagħhom.
Kwalunkwe service charge applikabbli għandha tkun indikata b’mod ċar u viżibbli fuq il-menu jew il-lista tal-prezzijiet li tkun disponibbli għall-konsumatur qabel ma jagħmel l-ordni. B’dan il-mod, il-konsumatur ikun jaf minn qabel bil-ħlasijiet applikabbli u jkun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata.
L-MCCAA tenfasizza li l-konsumatur m’għandux isir jaf għall-ewwel darba bis-service charge meta jirċievi l-kont. L-informazzjoni dwar il-prezzijiet, inkluż kwalunkwe ħlas addizzjonali obbligatorju, għandha tingħata b’mod ċar u trasparenti qabel ma l-konsumatur jagħmel l-ordni.
Għaldaqstant, l-Awtorità tħeġġeġ lir-ristoranti u stabbilimenti oħra tal-catering sabiex jirrevedu l-menus u l-informazzjoni dwar il-prezzijiet tagħhom u jiżguraw li kwalunkwe service charge tkun ikkomunikata b’mod ċar lill-konsumaturi qabel ma dawn jagħmlu l-ordni tagħhom.
Min-naħa tagħhom, il-konsumaturi huma mħeġġa jiċċekkjaw il-menu u l-ħlasijiet applikabbli qabel jordnaw. Kull min jemmen li ġiet applikata service charge mingħajr ma kien infurmat b’mod adegwat minn qabel jista’ jikkuntattja lill-MCCAA (mccaa.org.mt) u jipprovdi d-dettalji u d-dokumentazzjoni rilevanti, inkluż, fejn disponibbli, kopja tal-menu u tal-irċevuta.
L-MCCAA se tkompli ssegwi l-prattiki fis-suq u tieħu l-azzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur.
…


