Ġiet imnedija esperjenza ġdida ta’ realtà virtwali (VR) fi grupp fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun. Din l-inizjattiva tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) tifforma parti mill-impenn kontinwu biex is-servizzi jkomplu jiġu mmodernizzati u titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani li jgħixu fil-komunità.
Matul it-tnedija, l-anzjani li jattendu ċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva tal-Ħamrun kellhom l-opportunità jippruvaw din it-teknoloġija u jieħdu sehem f’esperjenzi virtwali forma ta’ grupp. Għall-attività attendew ukoll rappreżentanti tal-AACC flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Deo Debattista.
Permezz ta’ din it-teknoloġija, l-anzjani jistgħu jieħdu sehem f’esperjenzi immersivi u interattivi fi grupp, fosthom vjaġġi virtwali, żjarat kulturali u attivitajiet rikreattivi. Lil hinn mill-esperjenza virtwali nnifisha, dawn l-attivitajiet iħeġġu l-interazzjoni soċjali u d-diskussjoni bejn il-parteċipanti. B’hekk, l-anzjani jingħataw l-opportunità jesploraw ambjenti ġodda, jitgħallmu, jinteraġixxu u jerġgħu jgħixu memorji flimkien, f’ambjent sigur u pjaċevoli.
Fil-ġimgħat li ġejjin, din l-esperjenza se tkompli tiġi estiża fost l-anzjani li jattendu ċ-ċentri, bil-għan li jkunu jistgħu jżuru pajjiżi oħra b’mod virtwali u jinvolvu ruħhom ma’ anzjani oħra. It-teknoloġija tista’ tintuża wkoll f’attivitajiet ta’ reminixxenza, fejn esperjenzi marbuta mal-passat jistgħu jgħinu lill-individwu jfakkar episodji minn ħajtu u jħeġġuh jikkomunika aħjar.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li din hija miżura oħra tal-manifest elettorali li twettqet fl-ewwel 100 jum ta’ dan il-Gvern. Huwa qal ukoll li din l-inizjattiva turi kif it-teknoloġija tista’ titqiegħed għas-servizz tal-persuna. “Irridu li ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva jibqgħu spazji dinamiċi, inklużivi u attraenti, fejn l-anzjani jingħataw opportunitajiet ġodda biex jibqgħu attivi, jitgħallmu u jħossuhom aktar konnessi. Bir-realtà virtwali qegħdin niftħu tieqa għal esperjenzi ġodda, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-benesseri u l-parteċipazzjoni soċjali tagħhom,” qal Dr Debattista.
Il-Kap Eżekuttiv tal-AACC Steve Agius qal li l-inizjattiva hija msejsa fuq riċerka li saret fost anzjani li jattendu ċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u li użaw din it-teknoloġija. “Minkejja li żewġ terzi tal-parteċipanti qatt ma kienu użaw teknoloġija simili, 91% rrappurtaw livell għoli ta’ sodisfazzjon, 93% esperjenzaw emozzjonijiet pożittivi u 91% qalu li jixtiequ jerġgħu jużaw ir-realtà virtwali. Dawn ir-riżultati juru l-potenzjal ta’ din it-teknoloġija mhux biss bħala esperjenza individwali, iżda bħala attività fi grupp li tqanqal il-konverżazzjoni, l-interazzjoni soċjali u l-qsim tal-memorji,” qal Dr Agius.
Din l-inizjattiva tkompli tikkontribwixxi biex iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva jsiru aktar innovattivi u joffru esperjenzi li jirrispondu għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-popolazzjoni anzjana. Fl-istess waqt, hija tappoġġja l-għanijiet tal-Viżjoni Malta 2050 billi tippromwovi l-innovazzjoni, l-inklużjoni diġitali u anzjanità aktar attiva u b’saħħitha.
Għal aktar informazzjoni dwar iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva u s-servizzi offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, wieħed jista’ jċempel liċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq 2278 8900, iżur l-uffiċini fi 3, Triq Żekka, il-Belt Valletta, jew jidħol fis-sit aacc.gov.mt. F’Għawdex, wieħed jista’ jċempel fuq 2278 8650 jew iżur l-uffiċini f’39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, Għawdex. L-informazzjoni hija disponibbli wkoll permezz tal-freephone 153, estensjoni 12.


