Sunday, June 7, 2026

Il-Kumitat Olimpiku Malti jħabbar kummissjoni ġdida tal-atleti

Aqra wkoll

Il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) ħabbar il-formazzjoni tal-Kummissjoni tal-Atleti tiegħu, li se sservi għat-terminu ta’ erba’ snin li ġej.

Il-Kummissjoni tal-Atleti tal-KOM isservi bħala l-pont ewlieni bejn il-komunità sportiva attiva ta’ Malta u t-tmexxija tal-KOM, billi tirrappreżenta l-vuċi tal-atleti, tissalvagwardja d-drittijiet tagħhom, u tipprovdi feedback strutturat dwar kwistjonijiet relatati mal-benesseri, il-kompetizzjoni u l-għażla tal-atleti.

Il-Kummissjoni għall-perjodu 2026–2030 ġiet stabbilita wara sejħa uffiċjali għan-nomini fis-settur sportiv Malti kollu. Il-kandidati ġew evalwati skont kriterji ta’ eliġibbiltà stabbiliti skont il-linji gwida tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC).

Il-Kummissjoni l-ġdida tiġbor fiha sitt atleti li jirrappreżentaw firxa diversa tal-isport Malti:

  • Matthew Abela — Badminton
  • Eleanor Bezzina — Sparar
  • Elliana Buhagiar — Golf
  • Aidan Buttigieg — Ċikliżmu
  • Sana Grillo — Atletika
  • Daniel Tanti Farrugia — Handball

Eleanor Bezzina u Matthew Abela jġibu magħhom kontinwità fil-grupp, wara li servew ukoll fil-Kummissjoni preċedenti. Bezzina ġiet eletta bħala Chair tal-Kummissjoni l-ġdida, filwaqt li Matthew Abela ġie maħtur bħala Vici..

Meta kkummentat dwar il-formazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida, Eleanor Bezzina qalet:

“Il-Kummissjoni tal-Atleti għandha rwol importanti biex tiżgura li l-vuċijiet tal-atleti Maltin jinstemgħu fl-ogħla livelli tal-governanza sportiva. Dak li jħeġġiġni l-aktar dwar din il-kompożizzjoni l-ġdida huwa l-firxa ta’ dixxiplini sportivi rappreżentati madwar il-mejda. Din id-diversità ta’ esperjenzi tfisser li nistgħu nirriflettu aħjar ir-realtajiet li jaffaċċjaw l-atleti f’dixxiplini u ambjenti differenti, u niddefendu l-interessi tagħhom b’mod aktar infurmat u sinifikanti. Ninsab ħerqana li naħdem mal-membri l-oħra tal-Kummissjoni biex nagħmlu differenza konkreta għall-atleti f’Malta matul l-erba’ snin li ġejjin.”

Skont l-Istatut tal-KOM, Bezzina se żżomm is-siġġu tagħha fuq il-Bord Eżekuttiv bħala membru b’vot — pożizzjoni riservata għar-rappreżentant tal-atleti elett mill-Kummissjoni tal-Atleti u kkonfermat mill-Assemblea Ġenerali. Il-Kummissjoni għandha wkoll żewġ voti fi ħdan l-Assemblea Ġenerali.

Filwaqt li laqa’ lill-Kummissjoni l-ġdida, il-President tal-KOM, Julian Pace Bonello, qal:

“Il-formazzjoni ta’ Kummissjoni ġdida tal-Atleti hija dejjem mument importanti għall-KOM. L-atleti jinsabu fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu, u li jkollna korp strutturat u rappreżentattiv li jwassal direttament lill-mexxejja tagħna l-esperjenzi u l-perspettivi tagħhom huwa ta’ valur kbir. Il-livell ta’ dawk li ressqu n-nomina tagħhom għal din il-Kummissjoni huwa inkoraġġanti, u aħna fiduċjużi li l-għarfien kollettiv tagħhom se jsaħħaħ il-mod kif naqdu lill-isport Malti. Il-KOM jistenna bil-ħerqa li jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni l-ġdida u li jkompli jikkollabora mal-komunità tal-atleti f’Malta matul l-erba’ snin li ġejjin.”

Bijografiji tal-Membri tal-Kummissjoni tal-Atleti

Eleanor Bezzina (Chair)

Eleanor Bezzina hija tiratriċi sportiva Maltija distinta u li kkompetiet fil-Logħob Olimpiku ta’ Rio 2016 u Tokyo 2020. Figura ewlenija fl-isport Malti, hija kisbet suċċessi notevoli f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali tul il-karriera tagħha. Mill-2022 ilha membru tal-Kummissjoni tal-Atleti tal-KOM, fejn taħdem b’mod attiv biex tippromwovi r-rappreżentanza, l-edukazzjoni u l-benesseri tal-atleti. Permezz tal-esperjenza, id-dedikazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ tmexxija tagħha, Eleanor tkompli ssaħħaħ il-vuċi tal-atleti fi ħdan il-Moviment Olimpiku filwaqt li tispira u tiggwida lill-ġenerazzjoni li jmiss t’atleti Maltin. L-impenn kontinwu tagħha lejn l-isport, kemm fuq kif ukoll barra mill-kamp ta’ kompetizzjoni, għamilha figura rispettata fil-komunità sportiva Maltija.

Matthew Abela (Vice Chair)

Matthew Abela huwa plejer professjonali Malti tal-badminton u l-ewwel atleta li qatt irrappreżenta lil Malta fil-badminton Olimpiku fil-Logħob Olimpiku ta’ Tokyo 2020. Huwa rebaħ il-kampjonat nazzjonali Malti għaxar darbiet u kiseb ukoll suċċessi fuq iċ-ċirkwit internazzjonali tal-BWF, inkluż titlu fid-doubles tal-irġiel u diversi midalji. Matthew ilu jservi fil-Kummissjoni tal-Atleti tal-KOM mill-2022. Huwa jħares ’il quddiem biex jaħdem ma’ membri ġodda, jilħaq miri ġodda u jibni fuq il-ħidma mwettqa f’dawn l-aħħar snin filwaqt li jkompli jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-isport f’Malta.

Elliana Buhagiar

Elliana Buhagiar hija golfer żagħżugħa ta’ 16-il sena u membru tat-Tim Nazzjonali tan-Nisa tal-Golf ta’ Malta. Hija rrappreżentat lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali madwar l-Amerika ta’ Fuq, l-Ewropa u l-Lvant Nofsani, kemm f’avvenimenti tal-livell amateur kif ukoll professjonali. Elliana kisbet reputazzjoni tajba għad-dixxiplina u d-dedikazzjoni tagħha fit-taħriġ u rebħet diversi tournaments. Fl-2025 irrappreżentat lil Malta fil-Kampjonat Ewropew Amateur tan-Nisa fil-Ġermanja. Hija kkommettiet ruħha li tibda tilgħab golf fil-livell NCAA Division 1 mal-Jacksonville State University fl-Istati Uniti mill-2027, filwaqt li tkompli tippromwovi l-golf Malti fuq livell internazzjonali.

Aidan Buttigieg

Aidan Buttigieg huwa ċiklist professjonali mat-tim Polti Visit Malta u tliet darbiet champion nazzjonali kemm fit-tiġrijiet tat-triq kif ukoll fid-dixxiplina tat-time trial. Huwa rrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Commonwealth ta’ Birmingham 2022 u fil-Kampjonati Dinjija tal-UCI fi Glasgow. Barra minn hekk, irrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet madwar id-dinja, inklużi tiġrijiet fl-Asja, l-Ewropa u l-Oċeanija. Aidan rebaħ tiġrijiet fl-Awstralja liebes il-flokk nazzjonali Malti u wera l-kuluri ta’ Malta f’uħud mill-akbar avvenimenti taċ-ċikliżmu. Huwa passjonat dwar l-isport u jittama li, permezz tal-esperjenza u l-għarfien tiegħu, ikompli jsaħħaħ u jiżviluppa inizjattivi sportivi eżistenti b’mod pożittiv.

Sana Grillo

Sana Grillo għandha 25 sena u dejjem kienet dedikata għall-isport. Ex membru tat-Tim Nazzjonali tal-Ġinnastika ta’ Malta, illum tikkompeti mat-Tim Nazzjonali tal-Atletika fid-dixxiplina tal-Pole Vault. Hija wkoll Sport Psychology Practitioner kwalifikata, fejn tgħin lill-atleti jsaħħu l-mentalità tagħhom u jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom fil-prestazzjoni sportiva. Tul il-karriera tagħha rrappreżentat lil Malta kemm fil-ġinnastika kif ukoll fl-atletika fuq livell internazzjonali. Wieħed mill-akbar suċċessi tagħha fil-ġinnastika kien il-kwalifikazzjoni u l-parteċipazzjoni fil-Logħob tal-Commonwealth tal-2018 fil-Gold Coast, l-Awstralja, fejn spiċċat bħala riserva f’żewġ finali. Rebħet ukoll midalji fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE) u fil-Island Games. Fil-Pole Vault hija kisbet it-titlu ta’champion nazzjonali għall-erba’ darbiet u rebħet midalji tal-bronż fil-GSSE u fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet.

Daniel Tanti Farrugia

Daniel Tanti Farrugia huwa goalkeeper tal-handball li rrappreżenta lil Malta f’numru kbir ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati mill-EHF u l-IHF, filwaqt li gawda karriera domestika ta’ suċċess ma’ Luxol, Aloysians u Kavallieri. Huwa rebaħ diversi unuri individwali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball, fosthom li ġie magħżul erba’ darbiet bħala l-MVP ta’ Malta. Huwa kiseb ukoll esperjenza barra minn Malta meta lagħab fis-Serie A2 Taljana ma’ Messina u KeyJey Ragusa, filwaqt li aktar kmieni fil-karriera tiegħu lagħab fid-Danimarka. Fil-beach handball irrappreżenta lil Malta sa mill-ħolqien tat-tim nazzjonali fl-2015, fejn ħa sehem fil-Mediterranean Beach Games tal-2015 u l-2019, kif ukoll fil-Kampjonati Ewropej tal-Beach Handball tal-2024 u EURO 2025.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport