Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech sejjaħ laqgħa tal-Kunsill Lokali b’urġenza sabiex flimkien mal-Kunsilliera jiddiskutu u jiddeċiedu fuq passi ulterjuri fid-dawl ta’ skart illegali mormi illegalment f’diversi żoni rurali fis-Siġġiewi u ż-żamma tal-indafa b’mod inġenerali fil-lokalità.
Il-laqgħa saret l-Erbgħa li għadda, fejn is-Sindku talab lill-Kunsilliera sabiex ikomplu jissieltu aktar fuq il-kwistjoni tal-iskart illegali madwar il-lokalità u fuq aktar kontabilità min-naħa ta’ ċertu kuntratturi sabiex jitjieb is-servizz.
Il-Kunsill qed jitlob lis-Supretendent tad-distrett tagħhom sabiex jaġixxi b’mod konkret fuq evidenzi li qegħdin iressqu bħala Kunsill ta’ nies li ramew illegalment u kisru l-liġi, sabiex dawn ikunu mħarrka mill-pulizija stess.
Il-Kunsill semma wkoll il-bżonn li jiġu installati numru ta’ CCTV cameras ġodda f’diversi żoni fis-Siġġiewi sabiex jiżdied l-infurzar b’mod effettiv. Saret talba lill-kuntrattur tas-servizz tal-knis sabiex jimxi strettament mal-iskeda tat-tindif tal-lokalità, filwaqt li jiġu imposti multi meta x-xogħol ma jsirx skont dak pjanat u kif suppost.
Saret talba wkoll lil kuntrattur tan-non-urban (qtugħ ta’ ħaxix selvaġġ) sabiex dan jimxi strettament mal-iskeda tax-xogħol, filwaqt li jiġu mposti multi meta x-xogħol ma’ jsirx skond dak pjanat.
“Dawn huma fost numru ta’ miżuri li se nkunu qegħdin nintensifikaw f’ħidmietna fil-ġimgħat li ġejjin,” qal Grech filwaqt li temm jirringrazzja lill-Kunsilliera tal-appoġġ tagħhom.