Sunday, November 24, 2024

Il-Kunsill tal-Ewropa jċanfar lir-Renju Unit dwar il-liġi tal-migrazzjoni

Aqra wkoll

L-għassies tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa ċanfar lir-Renju Unit u kkundanna l-iskema tal-Prim Ministru Rishi Sunak li jibgħat lejn ir-Rwanda immigranti li jkunu daħlu fil-pajjiż illegalment. Il-Kunsill tal-Ewropa qal li din l-iskema tqajjem kwistjonijiet ewlenin dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem ta’ dawk li jfittxu l-ażil.

Il-Kummissarju tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa, Michael O’Flaherty, sostna li l-abbozz, li ġie ffirmat bħala liġi wara li għadda mill-istadji parlamentari nhar it-Tnejn filgħaxija, kien ta’ tħassib serju u m’għandux jintuża biex jiddeporta lil dawk li jfittxu ażil, jew ukoll li jnawwar l-indipendenza tal-qrati.

L-abbozz qanqal tħassib li l-iskema tar-Rwanda tippermetti l-implimentazzjoni ta’ politika ta’ deportazzjoni ta’ nies lejn ir-Rwanda mingħajr ebda valutazzjoni minn qabel tat-talbiet tagħhom għall-ażil fir-Renju Unit. L-abbozz jeskludi b’mod sinifikanti l-abbiltà tal-qrati tar-Renju Unit li jiskrutinizzaw b’mod sħiħ u indipendenti l-kwistjonijiet imressqa quddiemhom.

Minkejja ċ-ċanfira, ir-Renju Unit se jibqa’ membru tal-korp pan-Ewropew li jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar il-kontinent Ewropew.

Skont il-prim ministru Rishi Sunak it-titjiriet se jibdew jieħdu lejn Kigali fi żmien 10-12-il ġimgħa lil dawk li jfittxu ażil fir-Renju Unit, filwaqt li ammetta li mhux se tintlaħaq il-mira tiegħu li t-titjiriet jibdew sas-rebbiegħa. Wara li ġi approvat l-abbozz, il-Prim Ministru Sunak wiegħed li din se tkun bidla fundamentali globali dwar il-migrazzjoni.

Għaqdiet tal-karità u tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw l-att ta’ liġi bħala tebgħa fuq ir-reputazzjoni morali tar-Renju Unit.

Kien hemm min qal li frankament, xi waqtiet mid-dibattitu li sar fil-House of Commons u l-House of Lords fil-jiem bikrija tal-abbozz kien patronizzat ħafna u kważi superfluwu.

Il-liġi għaddiet wara konfrontazzjoni ma’ deputati oħra konservattivi, li eventwalment ikkonċedew fuq żewġ emendi. Madankollu, il-gvern mistenni jiffaċċja numru ta’ battalji legali hekk kif jipprepara biex jiddeporta lil dawk li jfittxu ażil sa Lulju.

Skont il-prim iniustru, l-abbozz tar-Rwanda għandu l-għan li mhux biss jiskoraġġixxi lill-migranti vulnerabbli milli jagħmlu l-vjaġġ perikoluż iżda wkoll biex ikisser il-mudell tan-negozju tal-gruppi kriminali li jisfruttaw lil bnedmin.

L-abbozz huwa mibni fuq kunċett profondament awtoritarju li jattakka wieħed mill-aktar rwoli bażiċi li għandhom il-qrati – il-kapaċità li jħarsu lejn l-evidenza, jiddeċiedu dwar il-fatti ta’ każ u japplikaw il-liġi kif xieraq.

Ħafna jsostnu li huwa assurd li fir-Renju Unit, il-qrati se jkunu sfurzati jittrattaw ir-Rwanda bħala ‘pajjiż sigur’ u wkoll ipprojbiti milli jqisu l-evidenza kollha għall-kuntrarju.

Sport