Saturday, April 27, 2024

IL-KWADROLOĠIJA TAL-ĦMAR (3)

Lorna Vassallo

Aqra wkoll

L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI u L-ĦMAR MILL-A sad-D

L-ewwel artiklu tiegħi f’din is-sensiela (27 ta’ Frar 2023), ittratta l-fatt li jidher ċar li l-impatt tad-‘donkey voting’ huwa ikbar fuq in-nisa. It-tieni (27 ta’ Marzu 2023) silet minn studju xjentifiku li wera ċar li l-aħħar kandidati fl-aħħar tal-lista skont l-alfabett dejjem iġibu lanqas voti.

Illum se nitkellem dwar kif id-‘donkey voting’ dan l-aħħar sar aktar diskriminatorju. Huwa diffiċli l-ewwel nett li wieħed jiddetermina jekk kandidat kellux ħafna mis-suċċess tiegħu minħabba ħiltu jew minħabba kunjomu.  Kien hemm drabi fejn Ministru li ma baqax b’ismu fl-ewwel post tal-polza tal-vot, tilef mal-2,500 vot fuq distrett.  Anke jekk l-iżvantaġġ mhux kif jaħsbu ħafna, f’min iġib l-unu mingħajr ma jagħmel xejn, iżda f’min iġib id-2, it-3, l-4 u l-5 bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu fil-polza tal-vot.

Huwa wkoll fatt li s-sistema elettorali tagħna tinkoraġġixxi lil dawk b’kunjomhom mill-A  sal-M jaħdmu iktar għax it-tama li jitilgħu hija ferm ikbar, filwaqt li tiskoraġġixxi lil dawk li għandhom kunjomhom bi żvantaġġ.  Fil-fatt statistika uffiċjali tal-Università ta’ Malta turi kemm kandidati mill-aħħar nofs tal-vot ħarġu darba u qatgħu qalbhom.  

Iżda mill-2018 ’l hawn feġġew fenomeni oħra li reġgħu affettwaw mhux ftit. Mill-1 ta’ Settembru 2017 ’l hawn l-irġiel jistgħu jieħdu kunjom il-mara jew konjuġi tagħhom jew tat-tnejn. Dan wassal għal aktar ċaqliq fil-kunjomijiet.  Li baqgħu barra huma nies li mhumiex miżżewġin u nies li għalkemm iżżewġu ebda wieħed mill-koppja m’għandu kunjomu fl-ewwel nofs tal-polza tal-vot.

Tikteb Lorna Vassallo

Interessanti, għalhekk, illi kull min huwa interessat fil-politika qed jaqleb kunjomu bl-iktar mod konvenjenti.  Ironikament, allura, eżatt ftit qabel ma ddaħħal il-mekkaniżmu tan-nisa, l-irġiel setgħu jieħdu kunjom il-mara, ħalli jekk kandidata mara eż. kellha kunjomha bil-N, raġel jista’ faċilment jaqbiżha billi jieħu kunjom martu bil-F.  U b’hekk, għalkemm żgur li l-leġislatur kellu din l-intenzjoni, l-irġiel sar għandhom vantaġġ elettorali li daħal inkiss inkiss li qatt ma kellhom qabel u li qatt ma kellhom bżonnu qabel meta d-dinja kienet iddominata minn politiċi rġiel biss.  Persuni li kien ilhom miżżewġin spiċċaw jaqilbu kunjomhom.  U f’każ estrem li naf bih, saħansitra, persuni miżżewġin wara li ddaħħlu l-emendi tal-kunjomijiet wara ż-żwieġ imma qabel ma ħasbu fil-politika ironikament isseparaw biex ikollhom ċans jibdlu l-kunjom għal dak oriġinali!  Għalkemm il-verità tista’ tweġġa’ spiċċajna b’politiċi mhux biss jitilgħu jew ma jitilgħux imma wkoll jiżżewġu jew ma jiżżewġux jew jibqgħux uffiċjalment flimkien jew le skont il-possibiltà jekk joħorġux għall-elezzjonijiet. 

Ta’ min jgħid ukoll, iżda, anke kandidat kunjomu bic-C jista’ jkun diskriminat. Dan il-fenomenu qed jitfa’ piż ukoll fuq l-ewwel nofs tal-polza tal-vot. Fil-Parlament nazzjonali preżenti fil-PL hemm 24 membru li għandhom kunjomhom mill-A sad-D (mhux sal-M!) u 19 li għandhom kunjomhom mill-E saz-Z (3 minnhom huma nisa li telgħu mat-tielet rawnd).  Fil-PN hemm 22 membru li għandhom kunjomhom mill-A sad-D u 13 li għandhom kunjomhom mill-E saz-Z (2 minnhom huma nisa li telgħu mat-tielet rawnd).  U l-uniku kandidata indipendenti hija bic-C.  Hawnhekk qed ninkludi l-kandidati kollha inklużi dawk li telgħu bil-by-election u mekkaniżmi korrettivi kollha. Wara kollox, kull tip ta’ elezzjoni ta’ Malta hija affettwata mill-kunjom tal-kandidat. It-tabella t’hawn taħt titkellem waħedha u turi li l-arena tal-ġlieda politika spiċċat ristretta bejn l-ewwel erba’ ittri tal-alfabett minflok mal-ittri tal-alfabett kollha.   

Il-fenomenu ta’ membri parlamentari li jitilgħu skont kunjomhom ma twelidx ilbieraħ.  Xi darba nikteb dwar għal xiex qatt ma tneħħa.   

Għal kummenti jew suġġerimenti https://www.facebook.com/lejnmaltaaaa.  Għal aktar artikli tal-istess artikolista www.vassallolorna.com 

Sport