Il-leaks dwar l-istatut tal-PN: riforma interna jew konċentrazzjoni akbar tal-poter?

Aqra wkoll

Dak li ġie żvelat din il-ġimgħa mill-Partit Laburista dwar id-dokument li allegatament fih l-emendi proposti għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista qajjem bosta domandi fosthom kif Partit li suppost għaddej minn proċess ta’ tibdiliet, ta’ riformi u fuq kollox ta’ tisħiħ għandu problemi kbar ta’ leakages. Niftakru li fit-2 ta’ Novembru il-Ministri Owen Bonnici, Michael Falzon, u l-kelliem Nigel Vella qalu li rċevew id-diskors ta’ Alex Borg mingħand sorsi “qrib il-PN”. Interessanti dak li kellu xi jgħid l-eks deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone, waqt il-programm Bil-Fatti fuq ONE meta stqarr “l-inċident tal-leak huwa serju ħafna, huwa serju għax il-Partit Nazzjonalista, issa għal 13-il sena wara li qiegħed fl-Oppożizzjoni għadu passatur.”

Però id-dokument li allegatament fih l-emendi proposti għall-istatut tal-Partit Nazzjonalista fetaħ ukoll dibattitu importanti dwar il-mod kif qed jitmexxa l-partit u, fuq kollox, dwar id-direzzjoni li qed jieħu taħt it-tmexxija ta’ Alex Borg. Direzzjoni li minn kif stqarr Schiavone għadu f’idejn ċirku żgħir ta’ nies. Deċiżjonijiet li hu allega li qed jittieħdu minn “nies li lanqas nafuhom.”

Id-dokument, li ġie ppreżentat mill-Partit Laburista waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-19 ta’ Novembru 2026, allegatament juri numru ta’ bidliet sostanzjali fl-istruttura interna tal-PN. Il-kontroversja mhijiex sempliċiment dwar tibdil tekniku fl-istatut, iżda dwar mistoqsijiet fundamentali dwar it-tqassim tal-poter, it-trasparenza u l-kontrolli interni fi ħdan partit politiku.

Wieħed mill-aktar punti li qajjem mistoqsijiet huwa dak marbut mal-proċess tad-due diligence għall-kandidati li jaspiraw għall-kariga ta’ Kap tal-Partit. Skont id-dokument żvelat mill-PL, Membri Parlamentari li jikkontestaw għal din il-kariga jistgħu jkunu eżentati minn dawn il-verifiki, sakemm l-Eżekuttiv ma jitlobx speċifikament li jsiru.

Din il-proposta tqajjem mistoqsija leġittima: għaliex għandu jkun hemm differenza fil-proċess ta’ skrutinju bejn kandidat li jkun Membru Parlamentari u kandidat ieħor? Il-prinċipju tat-trasparenza jitlob li l-istess standards japplikaw għal kull min jaspira li jmexxi partit politiku. Din id-domanda hija aktar legittima meta t-trasparenza hija stabbilita bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin fil-viżjoni politika u l-proposti tiegħu għall-governanza tajba, bil-għan li l-Istat jaqdi liċ-ċittadini u jsaħħaħ il-fiduċja fl-istituzzjonijiet.

Punt ieħor li ġibed l-attenzjoni huwa t-tnaqqis propost fil-kompożizzjoni tal-Kumitat tat-Tmexxija. Skont il-verżjoni tad-dokument ippreżentata mill-PL, dan il-kumitat ikun magħmul biss mill-Kap, iż-żewġ Viċi Kapijiet u s-Segretarju Ġenerali. B’hekk, diversi uffiċjali li bħalissa għandhom sehem f’din l-istruttura, fosthom il-President tal-Kunsill Ġenerali u rappreżentanti ta’ kumitati oħra, jitilfu posthom.

Jekk din il-proposta tiġi kkonfermata fil-verżjoni finali tal-istatut, ikun importanti li jiġi spjegat x’inhu l-għan tagħha u kif se jkun assigurat li l-vuċijiet differenti fi ħdan il-partit jibqgħu rappreżentati.

Il-bidliet allegati ma jiqfux hemm. Hemm ukoll proposti dwar il-pożizzjoni relattiva taż-żewġ Viċi Kapijiet, bil-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit tingħata prijorità fuq dik tal-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari. Interessanti dak li qal Hermann Schiavone, waqt l-istess programm fuq din l-emenda proposta: “Meta kien hemm żewġ Viċi Kapijiet, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament kien it-tieni fil-ġerarkija. Għaliex illum se jitneħħa u jiġi t-tielet? Forsi hemm xi ħadd li huwa earmarked għal din il-kariga li ma jridux li ma jkunx acting leader?”

Jissemmew ukoll tibdiliet fil-proċeduri dixxiplinarji u fit-tul tal-kariga tas-Segretarju Ġenerali, li skont rapporti dwar il-proposti jista’ jiżdied minn sentejn għal ħames snin.

Barra minn hekk, tqajmu mistoqsijiet dwar ir-rappreżentanza tan-nisa u ż-żgħażagħ fl-istrutturi interni tal-partit, kif ukoll dwar il-mod kif jintgħażel it-tmexxija reġjonali tal-PN f’Għawdex. Dawn huma aspetti li jistħoqqilhom diskussjoni serja, għax partit politiku għandu jkun attent li r-riforma tal-istrutturi tiegħu ma tnaqqasx il-parteċipazzjoni tal-membri.

Il-mistoqsija ewlenija hija dwar id-demokrazija interna

Din il-kontroversja għandha tqanqal diskussjoni aktar profonda dwar x’tip ta’ partit irid ikun il-Partit Nazzjonalista.

Riforma ta’ statut tista’ tkun opportunità biex partit jimmodernizza l-istrutturi tiegħu, jagħmilhom aktar effiċjenti u jtejjeb il-funzjonament tiegħu. Iżda r-riforma ma għandhiex tkun biss kwistjoni ta’ effiċjenza amministrattiva. Għandha wkoll tiggarantixxi kontrolli, bilanċ u parteċipazzjoni demokratika.

Il-Kunsill Ġenerali tal-PN għandu quddiemu responsabbiltà importanti meta jiddiskuti u jiddeċiedi dwar l-istatut il-ġdid fil-laqgħat skedati għat-2, it-3 u l-5 ta’ Diċembru 2026. Din mhijiex sempliċiment formalità interna. Hija opportunità biex il-membri jeżaminaw kull proposta u jistaqsu jekk il-bidliet humiex se jwasslu għal struttura aktar rappreżentattiva jew għal konċentrazzjoni akbar tal-awtorità.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-kwistjoni mhijiex biss min se jokkupa l-karigi ewlenin fi ħdan il-PN. Il-kwistjoni hija kemm il-membri se jkollhom vuċi, kemm se jkunu jistgħu jagħmlu skrutinju fuq it-tmexxija u kemm se jibqgħu jeżistu salvagwardji li jiggarantixxu kontabbiltà.

Partit li jaspira li jkun alternattiva għall-Gvern għandu jkun lest li juri li l-prinċipji ta’ trasparenza, kontabbiltà u demokrazija japplikaw ukoll fi ħdanu stess. Għalhekk, il-mistoqsija li tibqa’ mdendla fuq din il-kontroversja hija waħda sempliċi iżda fundamentali: l-istatut il-ġdid tal-PN se jsaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika tal-membri, jew se jbiddel il-bilanċ tal-poter fi ħdan il-partit?

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport