Monday, March 10, 2025

Il-legat ta’ Jake Vella se jibqa’ ħaj

Aqra wkoll

Ftit jiem biss qabel għeluq snin il-mibki Jake Vella, se titfakkar il-memorja tiegħu b’Open Day fis-siti ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa. Din l-inizjattiva, li qed issir f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa.

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, bil-kollaborazzjoni ta’ Heritage Malta, se tiftaħ is-siti preistoriċi ta’ Għar Dalam u Borġ in-Nadur f’Birżebbuġa bla ħlas għall-pubbliku.

Għar Dalam huwa l-eqdem sit preistoriku ta’ Malta u jixhed ukoll l-ewwel preżenza tal-bniedem fi gżiritna daqs 7,400 sena ilu. Fillieri sħaħ ta’ għadam tal-annimali li jixħtu dawl fuq dawk iż-żminijiet imbiegħda, u li nstabu fl-għar li għalih hu msemmi s-sit, huma esebiti bi stil Vittorjan li bilkemm għadek issib bħalu fl-Ewropa kollha.

Ġol-għar innifsu, imżejjen min-natura bi stalaktiti u stalagmiti l-ġmiel tagħhom u mogħni b’varjetà ta’ formazzjonijiet ta’ blat, il-viżitatur ma jistax ma jistagħġibx b’dak li jsir jaf dwar l-ibgħad antenati tagħna. F’dan is-sit, li hu wieħed mis-siti protetti ta’ Natura 2000, wieħed jista’ jgawdi wkoll bosta siġar u pjanti indiġeni.

Il-pubbliku se jkollu l-opportunità wkoll iżur is-sit ta’ Borġ in-Nadur, li jinsab ftit ’l isfel minn Għar Dalam. B’pożizzjoni unika bejn żewġ widien – Wied Żembaq u Wied Dalam – dan is-sit Neolitiku ġie skavat fis-snin 20 tas-seklu 20 mill-arkeologa Margaret Murray, li s-sejbiet tagħha kienu kruċjali biex wieħed jifhem aħjar ċerti aspetti tal-preistorja Maltija.

Il-jum tas-Sibt fiż-żewġ siti se jkun imżewwaq b’bosta attivitajiet għall-familja kollha, b’attivitajiet għat-tfal, kif ukoll kotba ta’ Heritage Malta għall-bejgħ. Waqt l-Open Day se jinġabru donazzjonijiet lill-Assoċjazzjoni għal Annimali Abbandunati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport