Wednesday, March 27, 2024

Il-Malta Premier League jippjana li jieħu f’idejh l-organizzazzjoni tal-Kampjonat mill-istaġun 2024/25

Aqra wkoll

minn Cristian Muscat

Il-Malta Premier League qed jippjana li jieħu f’idejh l-organizzazzjoni tal-kampjonat mill-istaġun 2024/25 u qed jikkunsidra numru ta’ proposti għall-kalendarju, il-format u n-numru ta’ plejers imkabbra f’pajjiżhom u barranin. Dan ġie żvelat waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ stakeholders li saret fis-Sala taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali, nhar il-Ħamis.

Iċ-Chairman tal-Malta Premier League Dr Joseph Muscat spjega uħud mill-għanijiet tal-organizzazzjoni, u saħaq fuq il-ħtieġa li l-klabbs jiġu megħjuna jsiru finanzjarjament sostenibbli.

Il-Malta Premier League għandu l-għan li jkun l-uniku rappreżentant tal-klabbs tal-Premier League u jorganizza b’mod indipendenti l-kampjonat tal-ogħla livell. L-MPL għandu l-għan li jagħmel il-kompetizzjoni aktar attraenti, għalhekk tattira aktar partitarji lejn l-istadja, u finanzjarjament vijabbli, anke billi tisfrutta d-drittijiet tat-televixin, live streaming u marketing.

Fir-rigward tan-numru ta’ timijiet fil-Premier League, il-proposti huma tnejn – jew li jinżammu n-numru attwali ta’ 14 jew li mmorru lura għal 12-il tim.

Il-kalendarju huwa wieħed mill-proposti li jistgħu jqajmu diskussjonijiet u kontroversja hekk kif qed jiġi propost kalendarju ġdid bil-partiti tal-kampjonat li jibdew minn Frar u jispiċċaw f’Novembru b’kuntrast mal-kalendarju attwali li jara l-Kampjonat Premier jibda f’Awwissu u jispiċċa f’April/Mejju. .

Fir-rigward ta’ din il-proposta ta’ kalendarju ġdid li jibda minn Frar sa Novembru, il-president tal-Malta FA Bjorn Vassallo qal li jrid issir impact assessment, mhux biss biex wieħed jara l-benefiċċji u l-iżvantaġġi iżda wkoll minħabba l-fatt li kalendarju bħal dan. ikollu impatt fuq il-kompetizzjonijiet l-oħra kollha li jkollhom jibdew fl-istess ħin minħabba promozzjonijiet u relegazzjonijiet.

Marbuta ma’ din il-proposta ta’ kalendarju ġdid hemm it-tranżizzjoni għal tali kalendarju – għażla waħda hija kompetizzjoni ta’ erba’ xhur bejn il-klabbs tal-Premier League biex jiġi ddeterminat il-post Ewropew, mingħajr relegazzjoni; l-oħra tkun transizzjoni immedjata b’kompetizzjoni ta’ erba’ xhur u li tkun tinkludi wkoll timijiet ta’ Challenge League.

Fir-rigward tal-format tal-kampjonat, qed jitressqu tliet proposti: kampjonat li jintlagħab fuq tliet rounds; kampjonat li jintlagħab f’żewġ fażijiet – żewġ rounds fl-ewwel fażi u Kampjonat u Relegation Pool ibbażat ukoll fuq żewġ rounds u kampjonat milgħub f’żewġ fażijiet – żewġ rounds fl-ewwel fażi segwiti minn play-offs u play-outs.

Sadanittant fir-rigward tan-numru ta’ plejers homegrown u barranin, proposta waħda tgħid li ma jkun hemm l-ebda limitu fuq ċittadini tal-Unjoni Ewropea, massimu ta’ disa’ plejers mhux tal-UE fil-grawnd iżda l-ebda limitu fuq ir-reġistrazzjoni ta’ ċittadini mhux tal-UE u minimu numru ta’ minuti li jridu jintlagħbu minn plejers homegrown kull staġun. Ma’ din il-proposta hemm mehmuż il-fatt li timijiet li jilagħbu plejers homegrown aktar min-numru minimu ta’ minuti jiġu kkumpensati finanzjarjament filwaqt li oħrajn li ma jkollhomx il-punti jitnaqqsu l-istaġun ta’ wara.

Il-proposta l-oħra tgħid li ma jkun hemm l-ebda limitu la fuq iċ-ċittadini tal-UE jew mhux tal-UE iżda jkun hemm numru minimu ta’ minuti biex jintlagħbu minn plejers homegrown kull staġun.

Proposta oħra li qed tressaq il-Malta Premier League hija l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà mill-pagamenti ta’ solidarjetà tal-UEFA li mistennija jiżdiedu biex jirdoppjaw għal €1.1 miljun.

Ekonomija

Sport