Monday, December 9, 2024

IL-MALTIN BI KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR MINN TA’ PAJJIŻI OĦRA

Aqra wkoll

Il-Budget li ġie ppreżentat nhar it-Tnejn li għadda jidher li ntlaqa’ tajjeb mill-maġġoranza tal-Maltin. Dan huwa espress mill-fatt li kienu ħafna li kkummentaw b’mod pożittiv dwaru għalkemm kien hemm aspetti fih li ma tantx niżlu tajjeb ma’ setturi tal-korpi kostitwiti.

Madankollu, dan il-Budget meta mqabbel ma’ ta’ pajjiżi oħra partikolarment il-Budget ta’ dawn l-aħħar jiem li tressaq fir-Renju Unit juri li l-poplu tagħna qed jgħix ferm aħjar minn dawk ta’ pajjiżi Ewropej.

B’kuntrast mal-Budget tar-Renju Unit, li żied b’mod qawwi t-taxxi b’£40 biljun biex itejjeb is-servizzi tas-saħħa u anke s-servizz pubbliku, il-Budget ta’ pajjiżna mhux talli ma introduċa l-ebda taxxa ġdida u ma żied l-ebda waħda minn dawk eżistenti, iżda żied sostenzjalment l-investiment fil-qasam soċjali fl-istess waqt li naqqas it-taxxa taddħul għall-ħaddiema u ma tefa’ ebda piżijiet fuq in-negozji u fuq min iħaddem.

Il-Budget ta’ pajjiżna wkoll huwa pass ieħor lejn it-tnaqqis tad-defiċit biex fi ftit snin oħra jiġi konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea. U dak li suppost kellu jieħu erba’ snin issa se jsir fi żmien sentejn. Dan kollu huwa riflessjoni tas-sostenibbiltà
ekonomika u fiskali ta’ pajjiżna.

B’danakollu u minkejja li l-Budget kien meqjus bħala pożittiv, xorta waħda hemm lok fejn għas-snin li ġejjin jittieħdu ċertu miżuri li dan il-budget jew laqathom ftit jew ma semmiehomx.

Aħna konvinti li l-Gvern se jkompli jwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali. Għalhekk nistennew li proġetti massiċċi oħra bħalma huma l-Isptar il-ġdid f’Għawdex, it-trakka tal-karozzi u proġetti oħra ambjentali jitlestew fi żmien stipulat u mhux jieħdu aktar fit-tul.

Dan qed ngħiduh jekk verament irridu titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin
u Għawdxin kollha. Għandna għax nifhmu, kif indikat fit-tbassir li jsir minn żmien għal żmien li l-ekonomija se tkompli tikber, toħloq l-impjiegi u tindirizza lħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies f’dinja li qed tinbidel b’mod mgħaġġel kaġun tal-avvanzi bla waqfien fit-teknoloġija. Pajjiżna jrid ikun ippreparat għal dan kollu u jidher li lGvern diġà ħaseb għal dan fil-viżjoni li għandha tieħu lil pajjiżna lejn l2050.

Ekonomija

Sport