Tuesday, May 14, 2024

Il-mewt tar-Reġina Eiżabetta II… dak li se jkun qed iseħħ sal-jum tal-funeral

Aqra wkoll

Il-mewt tar-Reġina Eli­żabetta II skattat l-operazzjoni li ngħatat l-isem ta’ Operation London Bridge u dan hekk kif il-pajjiż daħal f’perjodu ta’ luttu nazzjonali. 

Dan huwa l-programm li hu maħsub li jkun hemm fil-jiem li ġejjin sakemm isir il-funeral. 

It-Tnejn 12 ta’ Settembru

Purċissjoni fit-toroq magħ­rufa bħala Royal Mile ġewwa Edinburgh lejn il-Katidral ta’ St Giles fejn hemm il-pubbliku jkollu opportunità żgħira li joqrob lejn it-tebut tar-Reġina hekk kif dan se jkun espost għal ftit ħin. Wara ġewwa l-Katridal se ssir quddiesa u fiha t-tfal kollha tar-Reġina huma mistennija li jagħmlu vġili madwar it-tebut; dak li hu magħruf bħala l-vġili tal-Prinċpijiet. Hu mistenni li f’dan il-vġili, il-kuruna tal-Iskozja se tkun imqiegħda fuq it-tebut tar-Reġina. Din hija kuruna differenti minn dik li kienet tilbes is-soltu hekk kif din hija s-simbolu tan-nazzjon Skoċċiż u tinżamm fil-Kastell ta’ Edinburgh. 

Fl-istess jum, ġewwa West­minister il-House of Commons u l-House of Lords huma mistennija li jiltqgħu flimkien għal Mozzjoni ta’ Kondoljanza li għaliha jattendi r-Re. 

It-Tlieta 13 ta’ Settembru

It-tebut tar-Reġina jittieħed bl-ajru lejn Londra u jitqiegħed f’Buckingham Palace sewwasew fil-kamra tat-tron fejn hemm ikun iddekorat bil-kuruna, bil-globus cruciger u anke x-xettru. 

F’dan il-jum se tkun qiegħda ssir prova tal-purċissjoni li tieħu t-tebut lejn Westminister. 

L-Erbgħa 14 ta’ Settembru

It-tebut tar-Reġina se jkun esport għall-pubbliku f’Westminister Hall wara purċissjoni ċerimonjali ġewwa Londra. It-tebut se jibqa’ espost għal erbat ijiem. 

Mal-wasla tat-tebut, l-Ar­ċisqof ta’ Canterbury jagħmel ċerimonja żgħira. F’dan il-jum mijiet ta’ persuni se jkollhom l-opportunità li jgħaddu minn maġenb it-tebut u jsellmu lir-Reġina, l-istess kif kien ġara fl-2002 meta kienet miet omm ir-Reġina. Membri għoljin Rjali wkoll mistennija li jsellmu lir-Reġina billi joqgħodu madwar it-tebut – tradizzjoni magħrufa wkoll bħala Vġili tal-Prinċpijiet. 

Mill-Ħamis 15 sal-Ħadd 18 ta’ Settembru

Issiru għadd ta’ provi tal-funeral fllwaqt li t-tebut tar-Reġina jibqa’ espost. Il-Ħadd, għadd ta’ kapijiet ta’ stati minn madwar id-dinja jibdew jaslu għaċ-ċerimonja tal-funeral. 

It-Tnejn 19 ta’ Settembru

Il-jum tal-funeral statali tar-Reġina. Dan se jkun qiegħed isir f’Westminster Abbey fiċ-ċentru ta’ Londra. It-tebut tar-Reġina se jkun qiegħed jinġarr fuq karru tal-gwerra. Il-militar se jkun preżenti għal din iċ-ċerimonja. Ir-Re Charles ħabbar li dan il-jum se jkun vaganza pubblika. 

Id-difna mbagħad mistennija ssir f’King George VI Memorial Chapel ġewwa l-Kastell Windsor, fl-istess post fejn hemm midfuna ommha, missierha u oħtha il-Prinċipessa Margaret. Il-fdalijiet ta’ żewġha l-Prinċep Filippu, Duka ta’ Edinburgh, se jiġu wkoll imqiegħda fl-istess kripta hekk kif bħalissa jinsab midfun f’post ieħor.

Sport