Monday, December 9, 2024

Il-Ministru Jonathan Attard jattendi għall-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja fi Brussell

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard attenda u pparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja f’Brussell. L-aġenda ta’ dan il-kunsill kienet tinkludi diskussjoni dwar proposta ta’ direttiva li tistabbilixxi armonizzazzjoni minima ta’ regoli li jipprevjenu t-traffikar tal-immigranti, kif ukoll suġġetti oħra bħat-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata u l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna.

F’intervent li għamel waqt id-diskussjoni b’rabta mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar id-direttiva li titratta t-traffikar tal-immigranti, il-Ministru Attard tenna “Malta tibqa’ tappoġġja bis-sħiħ il-ġlieda kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin ta’ Migranti, inkluż bit-tisħiħ tar-regoli tal-liġi Kriminali.” Il-Ministru kompla jenfasizza li d-direttiva m’għandhiex tkun limitata għall-benefiċċju jew gwadann finanzjarju jew materjali, iżda titħalla wiesgħa biex tkopri kwalunkwe benefiċċju jew gwadann.

Il-Kunsill tratta wkoll l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Il-Ministru Attard saħaq li Malta tappoġġja kull inizjattiva kontra t-traffikar tad-droga u dan anke abbażi tal-politika Nazzjonali dwar id-droga mnedija mill-gvern Malti s-sena li għaddiet. Huwa spjega li din il-politika Nazzjonali mhux biss tenfasizza t-tisħiħ tal-ġlieda kontra d-droga, imma wkoll il-ħtieġa ta’ rijabilitazzjoni u edukazzjoni. “L-enfasi primarja ta’ Malta tibqa’ fuq l-implimentazzjoni ta’ miżuri riġidi biex nippenalizzaw b’mod effettiv lil dawk involuti fit-traffikar tad-droga,” tenna l-Ministru Attard.

Fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-Ministri kien hemm ukoll il-konklużjonijiet tar-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-ġustizzja fejn kien rikonoxxut l-investiment li qed isir f’pajjiżna fis-settur, inkluż b’użu ta’ fondi Ewropej u mill-fond għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fis-settur tad-diġitalizzazzjoni u r-riżorsi umani.

Ekonomija

Sport