Tuesday, April 23, 2024

Il-miri tal-Budget 2024 li tħabbru huma realistiċi

- L-Ekonomista Prof. Philip von-Brockdorff

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-miżuri li tħabbru fil-Budget tal-2024, kemm dawk ekonomici kif ukoll dawk soċjali huma immirati biex isostnu l-konsum u indirettament l-investiment fl-ekonomija. Hu diffiċli ħafna biex wieħed jipprevedi jekk il-miżuri kollha hux se jkollom l-effett mixtieq. Madankollu naħseb li l-miri tal-Budget jidhru li huma realistiċi”.

Dan stqarru l-ekonomista Prof. Philip von-Brockdorff, f’intervista li kellu ma’ dan is-sit, fejn iddefenixxa l-Budget bħala eżerċizzju finanzjarju f’qafas ta’ politika ekonomika u soċjali li jiżviluppa kontinwament kif tiżviluppa wkoll is-sitwazzjoni ġeo-politika li kulħadd jaf kemm hi mċajpra minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u issa minħabba l-kriżi fil-Lvant Nofsani. 

Von-Brockdorff qal li fi sfond, il-Budget tfassal u jidher ċar li nstab bilanċ bejn il-miri finanzjarji biex jikkonformaw mar-regoli finanzjarji ġodda u dawk ekonomiċi, b’mod partikolari t-tkabbir ekonomiku li hu tant meħtieġ biex il-Gvern jiffinanzja l-ispiża kapitali u rikorrenti. 

Huwa żied jgħid li d-deciżjoni tal-Gvern li jestendi s-sussidji fuq l-energija u fuel tibqa’ l-miżura ewlenija biex tiżgura li l-ekonomija tilqa’ għax-xokkijiet ekonomici li jirriżultaw jekk dawn is-sussidji ma jingħatawx. Huwa qal li mingħajr dawn is-sussidji, il-konsum f’pajjiżna jintlaqat ħażin bir-riżultat li dan jaffettwa t-tkabbir ekonomiku. 

Fiċ-ċirkostanzi preżenti, l-ekonomista jemmen li xokkijiet ekonomici jkollhom konsegwenzi kważi diżastrużi fuq il-familji Maltin u Għawdxin, irrespettivament mid-dħul tagħhom. Żied jgħid li “wieħed jittama li l-prezzijiet tal-enerġija ma jibqgħux jiżdiedu biex il-ħtieġa li jingħataw is-sussidju tonqos.

Is-soluzzjoni iiżda dejjem hija dik ta’ energija alternattiva u prezzijiet orħos permezz ta’ interconnector ieħor mal-bqija tal-Ewropa. Pero’, kollha huma soluzzjoniet li jieħdu ż-żmien”. 

Fil-fehma tiegħu, von-Brockdorff isemmi l-iktar miżuri tal-Budget 2024 li laqtuh, u jgħid li waħda minnhom hija t-tisħiħ tal- inwork benefit, li hija miżura importanti oħra li tgħin sabiex ittaffi l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’numru ta’ setturi ekonomiċi meta mqabbel mad-domanda minn negozji bbażati f’pajjiżna. 

Miżura oħra, li bħala ekonomist jemmen fiha, hi dik tal-venture capital għal start-ups li tista’ tagħmel differenza għal min se jibda negozju li jirrekjedi investiment fit-tekonolgija jew li jwassal għal anqas dipendenza fuq energija konvenzjonali.

L-ekonomista qal li miżura li kien ilu jinsisti ħafna għaliha hija dik tal-kreditu tat-taxxa fuq inizjattivi li jittieħdu minn negozji għal innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol biex min jinvesti kemm fuq it-taħriġ u fuq it-teknoloġija, iżid l-produttivita’ fuq il-post tax-xogħol. 

Qal ukoll li inizjattiva oħra hi l-proċess li negozjar kollettiv  ikun rikonnoxut bħala mekkaniżmu li jista’ jwassal ukoll għal żieda fil-produttivita’ tal-ħaddiema permezz ta’ soluzzjonijiet mifthiema bejn minn iħaddem u t-trejdunjins. Meta kien mistoqsi fl-intervista jekk fost il-miżuri li tħabbru tal-Budget 2024 kienx jagħmel xi ħaġa differenti, huwa efasizza fuq bosta miżuri. 

Huwa qal li kieku kien jipproponi rifużjoni tat-taxxa b’rata li fiskalment ma toħloqx problemi għad-dħul tal-Gvern, iżda li fl-istess waqt tinċentiva l-familji Maltin u Għawdxin biex inaqqsu l-konsuma tal-elettriku. Qal ukoll li miżura oħra li għandha tiġi kkunsidrata fiċ-ċirkostanzi li għaddejin minnhom bħalissa, hija dik tal-użu ta’ karozzi privati għandu jkun abbażi ta’ alternative number plate li ma jkunx daqstant restrittiv.

Hawnhekk irrimarka, li jifhem li din tista’ tkun miżura kontroversjali u li bħalissa qegħdin ngħixu fi żmien fejn għandna gwerra fl-Ewropa, kriżi fil-Lvant nofsani u riskji oħra ġeo-politiċi li jistgħu jwasslu għall-krizijiet ekonomici inkluż f’pajjiżna. 

Temm jgħid li f’pajjiżna fejn il-mudell socjali jibqa’ ta’ prijorita’, kulħadd għandu jagħti sehemu biex innaqqsu l-konsum tal-energija u l-fjuwil. 

Sport