Friday, April 19, 2024

Il-Palestinjani jħossuhom ittraduti

Aqra wkoll

It-trattat ta’ paċi minn Donald Trump jimxi ‘l quddiem bl-iffirmar bejn l-Iżrael u żewġ pajjiżi Għarab…

Minn Carmen Cachia

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, proprju ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali f’pajjiżu, irnexxielu jagħmel trattat storiku fil-ħidma għall-paċi fil-Lvant Nofsani. L-Iżrael u żewġ stati Għarab iffirmaw trattat importanti u Trump qiegħed jittama li aktar pajjiżi jingħaqdu f’dan il-proċess. Iż-żewġ pajjiżi li laħqu ftehim għall-waqfien mill-ġlied u tisħiħ ta’ relazzjonijiet bejniethom ma’ Iżrael huma l-Emirati Għarab Magħquda u Bahrain.

Imsejjaħ minn Trump, “iċ-ċirku tal-paċi”, dan huwa bidu ta’ proċess li bih il-mexxej Amerikan qiegħed jipprova jwaqqaf snin ta’ konflitti li swew il-ħajja ta’ eluf ta’ nies u kkawżaw instabbiltajiet ekonomiċi kbar fir-reġjun. F’dan it-trattat però, għad m’hemmx pajjiż importanti – jiġifieri dak Palestinjan li huma proprju huma u l-Iżreal li għal għexirien ta’ snin tqatlu f’konflitt wara l-ieħor.

Mal-iffirmar uffiċjali ta’ l-Emirati Għarab Magħquda u Bahrain, ħafna sostnew li Trump kiseb rebħa diplomatika importanti li se tgħin il-kampanja elettorali tiegħu biex iġedded il-Presidenza għal ħames snin oħra fil-Kamra Ovali. Il-President Amerikan iddikjara li, “il-viżjoni hija dik ta’ paċi, sigurtà u prosperità f’dan ir-reġjun u fid-dinja kollha. L-għan tagħna huwa li jkun hemm koalizzjoni ta’ nazzjonijiet li jaqblu li ma jkunx hemm estremiżmu u li joffru futur aħjar għat-tfal li jonora lil Alla”.

“Bidu ta’ era ġdida”

Trump jemmen li beda proċess li se jibdel l-istorja permezz dan it-trattat fejn witta t-triq għal kollaborazzjoni diplomatika bejn il-firmatarji u l-Istati Uniti. “Iżrael, l-Emirati Għarab Magħquda u Bahrain se jkollhom ambaxxati ta’ xulxin bl-ambaxxaturi tagħhom li jikkoperaw u jaħdmu flimkien biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejniethom,” spjega Trump. 

Il-Viċi President Mike Pence qal li dan it-trattat huwa l-bidu ta’ era ġdida għall-paċi fl-Iżrael u fid-dinja Għarbija. “Inħossni umilment onorat li jiena parti żgħira minn dan il-proċess uniku,” stqarr Pence.

L-Emirati Għarab Magħquda huwa l-ewwel stat fil-Golf u t-tielet nazzjon Għarbi li aċċetta li jkollu relazzjonijiet diplomatiċi ma’ Iżrael, mentri Bahrain iffirma l-ġimgħa ta’ qabel. Dan huwa l-ewwel ftehim importanti bejn Iżrael u pajjiż importanti fid-dinja Għarbija mill-1994. 

Il-Prim Ministru Iżraelit, Benjamin Netanyahu qal li, “dan il-jum huwa kruċjali fl-istorja tagħna għax għandna ċans li nibdew proċess ta’ paċi. Għal eluf ta’ snin il-poplu Lhudi talab għall-paċi u għal għexirien ta’ snin l-istat Lhudi ħadem għall-paċi”.

Il-viżjoni hija dik ta’ paċi, sigurtà u prosperità f’dan ir-reġjun u fid-dinja kollha

– il-President Amerikan, Donald Trump

Dan il-ftehim storiku għandu jgħin biex tiżdied is-sigurtà fir-reġjun u ħafna jqisuh bħala pass importanti ‘l quddiem għall-paċi fil-Lvant Nofsani. Barra l-ambaxxati u l-ambaxxaturi, il-koperazzjoni bejn it-tliet pajjiżi tinkludi setturi bħall-edukazzjoni, is-sistemi tas-saħħa, in-negozju u s-sigurtà nazzjonali. 

Dan il-pass huwa l-aktar wieħed importanti li ttieħed biex fl-aħħar ikun hemm tama ta’ paċi fil-Lvant Nofsani f’dawn l-aħħar 25 sena. Fil-ftehim Iżrael jaċċetta li jwaqqaf pjanijiet dwar parti mix-Xatt tal-Punent fejn hemm art li l-Palestinjani jridu jagħmluha l-istat futur tagħhom.

Minkejja li dan l-iffirmar kien raġuni valida għal ħafna biex jiċċelebraw, mhux kulħadd iħoss li l-ġlied se jieqaf. Waqt iċ-ċerimonja stess kien hemm attakk minn terroristi f’Gaza li tefgħu rokits fin-Nofsinhar ta’ Iżrael bil-konsegwenza li żewġ persuni ndarbu. Il-Palestinjani min-naħa tagħhom ikkundannaw dan il-ftehim u sostnew li jħossuhom ittraduti mill-proċess li qiegħed imexxi Trump għal-Lvant Nofsani. 

L-ambaxxatur Amerikan għal Iżrael, David Friedman qal li jridu li l-Palestinjani jpoġġu fuq il-mejda tad-diskussjoni. “Minkejja li jridu l-paċi, sal-ġurnata tal-lum irreaġixxew b’mod negattiv ħafna għall-proposti tagħna u m’humiex jaċċettaw il-ftehim ta’ paċi li għamilna ma’ Bahrain u mal-Emirati Għarab Magħquda. Dan huwa żball kbir mill-mexxejja tagħhom,” sostna Friedman.

Għaliex il-Palestinjani m’humiex jaċċettatw it-trattat?

L-aġenzija tal-aħbarijiet “AP News” irrapportat kif għal dawn l-aħħar snin il-President Amerikan, Donald Trump waqqaf l-għajnuna lill-Palestinjani u rrikonoxxa lil Ġerusalem bħala l-belt kapitali ta’ Iżrael. 

Barra minnhekk, jingħad li Trump waqqaf l-oppożizzjoni Amerikana rigward żoni okkupati mill-Iżraeliti. Skont il-poplu Palestinjan, il-pjan ta’ paċi  fil-Lvant Nofsani u l-iffirmar riċenti ta’ żewġ pajjiżi Għarab, li bejniethom “m’hemmx gwerer”, jiffavorixxi ħafna lil Iżrael.

Il-Palestinjani qegħdin iħossuhom dgħajfa, iżolati u dimoralizzati minħabba żieda ta’ konsensus minn pajjiżi Għarab li qegħdin jirrikonoxxu territorji kruċjali okkupati li minħabba fihom beda dan il-konflitt imdemmi.

Dawn l-iżviluppi ġodda, però, aktar milli qegħdin iġiegħlu lill-mexxejja Palestinjani jbaxxu rashom, aktar qegħdin jinċitawhom biex jirribellaw. Il-President Mahmoud Abbas f’Mejju li għadda ddikjara uffiċjalment li se jwaqqaf kull tip ta’ kollaborazzjoni mal-Iżrael u mal-Istati Uniti u ħabbar li l-Palestinjani se jinħallu minn kull ftehim li sar fl-imgħoddi. 

Il-Palestinjani ma aċċettawx il-ftehim milħuq mal-Emirati Għarab Magħquda u mal-Bahrain fejn saħqu li dan huwa tradiment u nsistew li ebda pajjiż m’għandu dritt jinnegozja f’isimhom.

Uffiċjal għoli Palestinjan, Hanan Ashrawi, sostna li l-qofol ta’ kollox huwa li l-poplu Palestinjan għandu d-dritt tal-libertà u s-sovranità. Il-konflitt kellu l-bidu tiegħu minħabba artijiet okkupati mill-Iżraeliti f’reġjun li kien, skont huwa, tal-Palestinjani.

Daniel Shapiro, li serva bħala ambaxxatur Amerikan għall-Iżrael fl-amministrazzjoni ta’ Barak Obama qal li n-normalizzazzjoni tar-reġjun huwa pass pożittiv li għandu l-potenzjal li jwassal għal prosperità u paċi. Huwa qal li jekk dan il-proċess ikun użat b’mod effettiv, jista’ jwassal għal ħidma soda biex fl-aħħar iż-żewġ pajjiżi jaslu għall-paċi bejniethom. 

Il-problem hija li ħafna jsostnu li n-negozjati minn Trump qegħdin jirrabbjaw lill-mexxejja Palestinjani u għalhekk Shapiro jemmen li jkun aħjar jekk minfloku, dan it-trattat jitmexxa mill-amministrazzjoni Amerikana.

L-approċċ ta’ Trump jingħad li poġġa f’pożizzjoni antipatika lill-Palestinjani u fl-istess ħin aġevola lill-Prim Ministru Iżraelit li dejjem iġġieled għal futur aħjar għal pajjiżu u evita li jkun iżolat mill-pajjiżi barranin anke jekk dan, qatt ma ċeda xejn lill-Palestinjani.

Għal aktar minn 30 sena l-Palestinjani xerdu demmhom biex jiksbu l-indipendenza fil-Lvant ta’ Ġerusalem, fix-Xatt tal-Punent u f’Gaza. Dawn it-territorji ġew okkupati minn Iżrael fl-1967 waqt gwerra bejn l-istati Għarab. Iżrael irtira minn Gaza fl-2005 iżda impona żblokk militari minħabba li sentejn wara l-grupp militanti tal-Hamas ħa l-kontroll tat-territorju. 

“AP News” qalet li l-pjan ta’ Trump jagħti lil Iżrael 30% tal-art okkupata fix-Xatt tal-Punent, inklużi żoni Lhud bil-konsegwenza li l-poplu Palestinjani se jispiċċa mdawwar minn art Iżraelita.

X’se jiġri ‘l quddiem? Biden bi pjan għal trattat aktar ġust… 

Il-President Trump huwa ottimist ħafna tant li ħabbar li hemm mill-inqas ħames pajjiżi oħra mil-Lvant Nofsani li “għejjew jiġġieldu” u huma lesti li jingħaqdu fiċ-ċirku tal-paċi propost minnu. Jekk is-Sawdi Għarabja timxi fuq l-istess passi taż-żewġ pajjiżi Għarab preċedenti, ikun hemm implikazzjonijiet kruċjali għal-Lebanon, għas-Sirja u anke għall-Iran.

Min-naħa l-oħra l-eks viċi president Joe Biden wiegħed li jekk ikun elett f’Novembru li ġej bħala l-President il-ġdid tal-Istati Uniti, huwa lest li jagħmel trattat aktar ibbilanċjat u ġust għaż-żewġ naħat. Huwa ma jaqbilx ma’ ċerti punti fit-trattat u żgur li se jwarrab il-pjan ta’ Trump ladarba u jekk, jiġi elett bħala l-President il-ġdid.

Jekk Trump jerġa’ jkun elett u jieħu t-tmun tat-tmexxija Amerikana, mistenni li jkun hemm aktar pressjoni fuq il-Palestinjani. Dawn, wisq probabbli, se jkollhom jieqfu jittamaw li se tinstab soluzzjoni għal żewġ stati indipendenti u minflok ikollhom jitlobu li jkollhom drittijiet indaqs fi stat wieħed binazzjonali. 

It-tmexxija preżenti Palestinjana u l-popli nfushom ma jaqblux li jkun hemm stat wieħed bejn iż-żewġ popli iżda, dan kollu jista’ jinbidel f’każ li Trump u Netanyahu jirnexxielhom imewtu t-tamiet tal-Palestinjani li jiksbu stat indipendenti.

Sport