It-tama tal-bniedem illum ukoll hija mgħottija “b’ġebel kbir” bħalma huma l-gwerra, il-kriżijiet umanitarji, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u t-traffikar uman. Dan qalu l-Papa Franġisku fil-Barka Urbi et Orbi tal-Għid il-Kbir.
Il-Papa qal li l-Mulej għandu s-saħħa li dan il-ġebel jmexxih u li huwa l-unika persuna li jwassalna għall-paċi, għar-rikonċiljazzjoni u l-fraternità. Fid-diskors tiegħu, irrefera għall-gwerer bħala l-bibien tal-ħajja li ngħalqu meta jkun fetaħhom il-Mulej.
Appella sabiex kull individwu jitlob għall-popli ta’ Iżrael, tal-Palestina u tal-Ukrajna li jinsabu f’nofs gwerra. Kien hawn fejn l-Papatenna l-ħtieġa li jinħelsu l-priġunieri li qed jinżammu kemm mill-Ukrajna kif ukoll mir-Russja.
Il-Papa għamel talba sabiex l-għajnuna umanitarja tasal f’Gaza mingħajr intopp, sabiex skontu l-ostaġġi kollha taż-żewġ naħat jinħelsu u l-ġlied fir-reġjun jieqaf darba għal dejjem.
Il-Papa talab ukoll għas-Sirja, għal-Libanu, għar-reġjun tal-Balkani, għall-Armenja u l-Ażerbajġan, għall-Haiti, għall-poplu tar-Rohingya u għall-Kongo u l-Mozambique. Appella wkoll għat-talb għall-immigranti li jkunu għaddejjin minn perjodi ta’ diffikultà ekonomika u tkellem fuq l-importanza li ningħaqdu bħala bnedmin u nuru solidarjetà mal-ifqar familji li jkunu qed ifittxu ħajja aħjar.
Il-Papa Franġisku għalaq il-messaġġ tiegħu billi ttama li d-dawl tal-qawmien ta’ Kristu jikkonverti l-qlub tagħna u jgħinna nagħtu valur lil kull ħajja umana li għandha tintlaqa’, tkun protetta u maħbuba.