Is-Sibt 22 ta’ Frar fir-Rabat Għawdex, tul Triq ir-Repubblika, ġiet organizzata parata spettakolari fejn kien hemm attendenza numeruża, biex ingħata bidu għall-attivitajiet tal-karnival li jiġu organizzati f’din il-gżira.
F’din il-parata ħadu sehem kumpaniji taż-żfin, kemm tat-tfal kif ukoll tal-kbar, kif ukoll maskri grotteski u karru tal-karnival li ser jieħdu sehem matul dawn il-jiem ta’ briju li jiġu organizzati madwar Għawdex.

Il-Kunsilli Lokali ta’ diversi lokalitajiet se jorganizzaw programmi varji tal-Karnival, hemm ukoll il-karnival popolari, dak spontanju tan-Nadur, li jibda mill-Ġimgħa 28 ta’ Frar sat-Tlieta 4 ta’ Marzu, u jattira diversi turisti lejn din il-gżira.

Fil-belt Victoria jiġi organizzat il-Karnival Reġionali ta’ Għawdex mill-Ġimgħa 28 ta’ Frar sa’ Tlieta 4 ta’ Marzu fejn tul Triq ir-Repubblika ikun hemm defilè b’diversi kumpaniji taż-żfin b’kategoriji differenti, inkluż erba’ baned, maskaruni, kumpaniji taż-żfin, maskli grotteski kif ukoll karrijiet tal-karnival.

F’dawn il-jiem tal-Karnival li huma ta’ attrazzjoni u ta’ divertiment kbira għall-familji kollha, kemm kbar kif ukoll żgħar, se jkun hemm attivitajiet li huma mifruxa f’diversi jiem biex ilkoll nistgħu nsibu ftit ħin noħorgu minn djarna u niddevertu biex nesperjenzaw xi ftit dawn il-jiem ta’ festi.