Wednesday, April 9, 2025

Il-Parlament Ewropew japprova ftehim negozjat minn Daniel Attard biex jitnaqqsu l-ostakli amministrattivi għar-reġjuni fil-fruntieri tal-UE

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard, f’isem il-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi (S&D), kien fost in-negozjaturi ewlenin wara ftehim ġdid li għandu l-għan li jindirizza ostakli li jfixklu l-ħajja ta’ kuljum u ż-żvilupp ekonomiku fir-reġjuni tal-fruntieri tal-Unjoni Ewropea.

Il-ftehim, magħruf bħala BRIDGEforEU, se jippermetti lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u anke entitajiet privati biex jinnotifikaw ostakli li jaffettwaw proġetti jew servizzi li jaqsmu fruntieri. Eżempji ta’ dan jinkludu:

– Trasport Pubbliku: Nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn servizzi f’żoni tal-fruntiera jwassal għal skedi li ma jaqblux jew biljetti mhux validi fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

– Servizzi t’Emerġenza: Differenzi fil-proċeduri jistgħu jfixklu kif dawn is-servizzi joperaw bejn pajjiżi ġirien.

– Trasport tal-Merkanzija (Freight): Regoli differenti dwar kif titwassal il-merkanzija jistgħu jikkawżaw dewmien u spejjeż żejda għall-kumpaniji.

Il-pajjiżi membri li jagħżlu li jipparteċipaw se jwaqqfu ċentri ta’ koordinazzjoni biex jiġbru dawn in-notifiki, jevalwawhom u jfasslu soluzzjonijiet prattiċi, fosthom tibdil fi proċeduri jew regolamenti biex jiġu megħluba dawn l-ostakli.

“Dan huwa pass konkret biex nirrispondu għall-problemi reali li jiffaċċjaw in-nies li jgħixu jew jaħdmu f’reġjuni tal-fruntieri. L-għan aħħari hu li nagħmlu l-ħajja aktar faċli għall-komunitajiet li kienu żvantaġġjati minħabba l-post ġeografiku tagħhom. Għal Malta, dan jista’ jfisser inqas ostakli f’oqsma bħat-trasport tal-merkanzija u l-aċċess għas-servizzi, u b’hekk inqas spejjeż kemm għall-operaturi kif ukoll għall-familji Maltin u Għawdxin,” qal Daniel Attard.

Il-ftehim ġie approvat b’mod unanimu fil-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali tal-Parlament Ewropew u mistenni jħeġġeġ aktar kooperazzjoni effettiva bejn reġjuni Ewropej.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport