Saturday, December 21, 2024

Il-Parlament isellem il-memorja tal-eks Ministru Joe Brincat

… politiku, avukat, ġentlom u raġel tal-familja

Aqra wkoll

Il-Parlament sellem il-memorja tal-eks Ministru u eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, l-Avukat Joe Brincat. Dr Brincat ħalla din id-dinja fit-2 ta Awwissu 2024 fl-età ta’ 81 sena.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Dr Brincat kien politiku, avukat, ġentlom u raġel tal-familja. Qal li fit-taħditiet li ta’ sikwit kien ikollhom, Joe Brincat dejjem kien jitkellem b’nostalġija u bi kburija fuq il-perjodu li fih kellu fdat lilu d-dekasteru tal-ġustizzja. Aktar ‘il quddiem f’karigi oħra li kien okkupa fosthom Deputat Mexxej għal aktar minn darba.

“Joe Brincat kien persuna magħruf għall-umiltà tiegħu, għall-mod kif kien jisma lil kulħadd u dejjem żamm saqajh mal-art. L-aktar li naf lil Joe kien fil-kurituri tal-Qrati. Ammirajtu kif kien jaħdem.”

“Nemmen ħafna li l-area tal-jeddijiet kostituzzjonali kienet l-aktar li jimraħ fiha għax kien jivvaluta lill-bniedem u kellu ġewwa fih dak is-sens ta’ ġustizzja intrinsika li kien iħoss li persuna ħaqqha l-protezzjoni tal-ogħla liġi tal-pajjiż,” qal il-Prim Ministru.

Huwa tenna li minkejja li kien għaddej minn ċertu tbatija fiżika, is-saħħa morali tiegħu ma naqset qatt. “Il-legat li se jħalli Joe jibqa’ ħaj,” temm jgħid Dr Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Joe Brincat kien wieħed minn dik il-ġenerazzjoni ta’ politiċi u avukati li ħadem għal dan il-pajjiż u kellu mħabba kbira għal-liġi, lejn is-sovranità ta’ pajjiżna u lejn iż-żgħir. Qal li Dr Brincat kien bniedem ġenwin fis-sens li dak li kien jemmen fih kien iwettqu b’kull mezz.

Id-Deputy Speaker qara wkoll diskors li kiteb l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia minħabba li jinsab imsiefer li qal li Joe Brincat kien persuna magħrufa għall-prinċipji sodi tiegħu.

“Ilni nafu snin twal. Il-memorji huma ħafna u b’saħħithom b’mod speċjali żmienna fil-Partit Laburista. Kien attiv, ċar u dirett anke fil-mumenti fejn ma konniex naqblu,” kiteb l-Ispeaker. “Joe se jibqa’ fil-memorja tagħna mhux biss għall-kontribut politiku tiegħu imma wkoll għall-valuri u l-prinċipji li ħaddan matul ħajtu.”

Ekonomija

Sport