Friday, April 26, 2024

Il-pass li jmiss hu li jsir park nazzjonali

... Intervista mas-sindku tal-Qala Paul Buttigieg

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-kwistjoni dwar l-iżvilupp li kien propost li jsir f’Ħondoq ir-Rummien ingħalqet għal kollox  lbieraħ b’sentenza tal-Qorti tal-Appell li kkonfermat id-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li Ħondoq ir-Rummien jibqa bla mittiefes u ma jsir l-ebda żvilupp fih. B’hekk ingħalaq il-kapitlu dwar din il-kwistjoni li ilha għaddejja madwar 22 sena b’rabta mal-iżvilupp propost f’din iż-żona f’Għawdex. L-iżvilupp kien propost minn Gozo Prestige Hotels fuq art ta’ madwar 103,000 metru kwadru u kien jinkludi lukanda, faċilitajiet ta’ parkeġġ, 25 villa u 60 appartament fost oħrajn.

B’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti, is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg f’kumment li ta’ lil dan is-sit qal li Ħondoq ir-Rummien issa ġie salvat, ħieles u jista’ jitgawda mill-pubbliku kollu. Buttigieg irrimarka li issa li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat din id-deċiżjoni, ma għadx fadal lok li l-iżviluppaturi jistgħu jerġgħu jappellaw.

Buttigieg enfasizza li l-pass li jmiss għandu jsir mill-Gvern. Huwa ifferera għal manifest elettorali tal-2022, fejn qal li wegħda minnhom kienet partikolarment tiffoka fuq Ħondoq ir-Rummien. L-istess wegħda tal-Partit Laburista kienet tgħid; ‘l-Gvern Laburista dejjem kien ċar dwar il-ħarsien ta’ Ħondoq ir-Rummien. Nassiguraw li din iż-żona ma tkunx żviluppata bl-ebda mod filwaqt li naraw li jsir xogħol ta’ tisbiħ fil-bajja sabiex toffri ambjent aħjar lil dawk li jżuruha’.

Is-sindku Buttigieg qal li issa l-pass li jmiss hu li f’Ħondoq ir-Rummien isir park nazzjonali bi spazju miftuħ li jkun jista’ jitgawda minn kulħadd, xewqa li s-Sur Buttigieg ilu jixtieq li sseħħ minn mindu laħaq f’din l-kariga. Is-Sur Buttigieg qal li sab appoġġ minn kull raħal u minn kull individwu, anke dawk li ma kienx jafhom. Temm jgħid li filwaqt li jixtieq jirringrazzja lil pubbliku u lil familjari tiegħu, irringrazzja ukoll lil avukat Dr. Bonello u lil marthu għal l-appoġġ li dejjem tawh fil-ġlieda li kellu jagħmel biex Ħondoq ir-Rummien jibqa’ fl-istat naturali tiegħu. 

Sadanittant, il-Prim Ministru Robert Abela f’messaġġ qal li jilqa’ din id-deċiżjoni li tikkonferma l-pożizzjoni konsistenti kontra l-fatt li jsir żvilupp f’Ħondoq ir-Rummien. Huwa irringrazzja ukoll lil Partit Laburista, lil diversi rappreżentanti u diversi attivisti li ħadmu bla heda f’din il-kawża. Huwa temm jgħid li dan kollu juri li l-Gvern immexxi minnu qiegħed jara li jsaħħaħ ir-rispett għal prinċipji ta’ spazji ħodor. 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri saħaq li l-Partit Laburista minn dejjem kien ċar kontra dan l-iżvilupp u kristalizzah f’manifesti elettorali sussegwenti. Huwa feraħ lill-Kunsill Lokali tal-Qala, speċjalment lis-Sindku Paul Buttigieg li dejjem żamm pożizzjoni kontra dan l-iżvilupp. Tenna li l-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien tista’ tkompli titgawda mill-pubbliku.

Sport