Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Sa minn meta kont żgħir bdejt nigi espost għal dan l-isport bis-sahha ta missieri. Missieri dak iz zmien kien diga coach tal-futbol u kont immur miegħu t-training biex sakemm jiehu hsieb it tahrig jien kont nihu ballun u kont noqgħod nilgħab waħdi. Apparti min hekk, minn età ta’ madwar erba’ snin bdejt nitrenja fin-nursery ta’ Ħal-Qormi, u minn hemm bdiet tiżdied l- imħabba u l-passjoni tiegħi għal dan l-isport
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Dingli Swallows FC.
Dan kien l-ewwel staġun tiegħi mal-klabb ta’ Dingli, fejn fil-bidu tal-istaġun ingħaqadt ma’ tim li l-għan tiegħu kien li jikseb il-promozzjoni. Kien staġun interessanti u ta’ sfida, tant li l-promozzjoni giet deċiża bir-riżultati tal-aħħar partita tal-istaġun. Kien ta sodisfazjon li kelli nkun jien li niskurja l goal decisiv li bih ksibna l promozjoni.
X’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tal-promozzjoni ta’ Dingli Swallows FC?
Aktar milli sigriet, il-pedament tal-promozzjoni kien l-għaqda li kien hemm fit-tim, bejn il-plejers flimkien mal-kowċis u l-president li kienu ta’ sapport kontinwu, flimkien mal-membri tal-kumitat ta’ Dingli. Kulħadd ħadem u ta s-sehem tiegħu biex flimkien wasalna niksbu l-promozzjoni li tant ħdimna għaliha matul dan l-istaġun.
Sa mill-bidu tal-istaġun, it-tim kien konsistenti u dejjem żamm postu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika. Iktar ma għaddew il-logħbiet it-tim sar aktar magħqud u deher fil-prestazzjonijiet li wassluna biex niksbu dak li ilna staġun sħiħ naħdmu għalih.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Fejn jidħlu t-tip ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u livell ta’ kowċing kemm fin-nurseries u anke fil-livell ta’ tim tal-kbar, nemmen li kien hemm titjib meta mqabbel mas-snin preċedenti. Però, jekk tqabbel il-livell tal-futbol f’Malti ma’ dak ta’ barra minn xtutna, ma nħossx li sar avvanz għaliex id-distakk għadu evidenti.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Minn aspett ta’ infrastruttura ta’ Dingli Swallows FC, il-klabb għandu ground ta’ livell tajjeb għall-istandards ta’ Malta fejn għandhom ukoll gym. Rigward fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna, t-turf jinbidel kull ftit snin li jgħin biex jinżamm livell tajjeb. Peró, il-faċilitajiet ta’ uħud mill-grawnds bħad-dressing rooms, nemmen li għandhom bżonn titjib.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-fatt li ġejna promossi dan l-istaġun jagħtik iktar motivazjoni biex tħares ‘il quddiem lejn l-istagun li jibda fi ftit xhur oħra.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Fil-futbol, it-talent jgħinek imma l-passjoni u s-sagrifiċċju huma dawk li jwassluk il quddiem. Il-messaġġ tiegħi għaż-żgħażagħ hu li qatt ma jaqtgħu qalbhom, jibqgħu jaħdmu u jemmnu fihom infushom.


