Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol bdiet mill-iskola fejn kelli ħbieb tiegħi jittrenjaw mar-Rabat Ajax Football Nursery. Kienu huma li ħajruni biex nibda ninżel għat-taħriġ magħhom. Meta bdejt nilgħab, tħajjart ukoll nibda nikkowċja fin-nursery tar-Rabat Ajax. Hawn ġejt f’punt fejn ridt nagħżel: jew inkompli nilgħab jew niehu t-triq tal-kowċing. Peressli l-fortuna bħala plejer ma tantx daħkitli, ħadt l-opportunitá u bdejt nitħarreġ sabiex nikseb il-liċenzji neċessarji sabiex naqbad l-karriera bħala kowċ.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’taħseb li kien is-sigriet wara l-aħħar suċċess li ksibtu permezz tal-promozzjoni mill-Amateur League 2 għall-Amateur League 1?
Is-sigriet ewlieni għal dan is-suċċess li ksibna matul dan l-istagun, kien wieħed – l-għaqda. Wara li spiċċa l-istaġun l-ieħor poġġejna bilqiegħda u rajna x’kien hemm bżonn isir sabiex naslu li niksbu dan is-suċċess fil-Kampjonat. F’Jannar, ġibna żewġ plejers ġodda li kkumplimentaw u saħħew l-iskwadra. Dan wassal sabiex kellna staġun memorabbli fejn bil-ħidma flimkien irnexxielna niksbu dak li ppjanajna għalih mill-bidu tal-istaġun, u rnexxielna niksbu il-promozzjoni fin-National Amateur League 1.
Hawnhekk nixtieq ngħid prosit minn qalbi lill-plejers, lil sħabi l-kowċis li dejjem konna ta’ spalla għal xulxin u l-kumitat kollu ta’ Dingli Swallows li ħadem bla waqfien, sabiex wasalna għal dan is-suċċess.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Dingli Swallows FC.
It-tim ta’ Dingli Swallows kien wieħed mit-timijiet li mill-bidu nett urew il-fiduċja tagħhom fija. Jien ma jiddispjaċinix li għażilt lil dan il-klabb, għax minkejja li għadni rilettivament żagħżugħ, tawni ċ-ċans u wrew li jemmnu fil-kapaċitajiet tiegħi. Ta’ dan nibqa’ grat. Minbarra li qed nieħu ħsieb l-iskwadra ewlenija ta’ Dingli Swallows, qiegħed ukoll nassisti lit-tim tal-Minors, fejn fl-aħħar tal-istaġun, dan it-tim irnexxielu jsalva postu għal sena oħra biex jilgħab fil-Kampjonat Sezzjoni C tal-Youths.
X’tikkumenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Minkejja li baqa’ ħafna xi jsir, nemmen li sar progress kbir f’din il-logħba. Peressli jiena nsegwi mill-qrib il-futbol lokali, nista’ ngħid li rajt ħafna affarijiet jimxu ’l quddiem. F’kull diviżjoni hemm kompetizzjoni kbira u qatt ma tista tieħu lil kwalunkwe tim ‘for granted’. Nemmen li jekk inkomplu nħarsu ’l quddiem permezz ta’ inizjattivi ġodda, isir aktar progress sabiex ntejbu l-logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-futur ħadd ma jafu, pero jien żgur li ser nibqa’ attiv f’din il-logħba speċjalment bħala kowċ. Ta’ età żgħira ta’ 30 sena, inħossni li għamilt pass kbir fil-karriera tieghi bhala Kowc. Jien determinat li nkompli nitharreg sabiex nikseb il-liċenzji meħtieġa biex navvanza f’din il-karriera.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ finali tiegħi huwa li wieħed għandu jżomm f’moħħu dawn il-punti:
- Dejjem żomm saqajk mall-art u tħallix rasek tikbirlek;
- Kun motivat u dejjem stinka sabiex tkompli timxi ’l quddiem;
- Bhal f’kull sport iehor, it-taħriġ u-dixxiplina huma essenzjali fil-logħba tal-futbol. Ghalhekk wieħed għandu jitħarreġ b’mod regolari u ma jaqta’ qalbu qatt!


