Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn meta kont żgħir ħafna. Kont dejjem nilgħab bil ballun wahdi , ma tfal ohra jew fil-ground, u ftit ftit bdejt inħoss li dan l-isport kien xi ħaġa speċjali għalija. Kont u għadni nħobb nara logħob fuq it-televixin u nsegwi plejers kbar, u dan kompla jkabbar il-passjoni tiegħi biex nibda nittrenja u nieħu l-futbol bis-serjetà. Bdejt nittrenja ma’ klabbs tal-futbol minn mindu kelli tliet snin.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Valletta FC.
L-esperjenza tiegħi bħalissa ma’ Valletta FC hija waħda sabiħa ħafna. Qed nitgħallem ħafna minn kowċis u plejers oħra, u kull sessjoni ta’ taħriġ tgħinni nitjieb kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna. Hemm atmosfera tajba fit-tim, u nħossni parti minn familja fejn kulħadd jaħdem għal għan wieħed.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat ta’ Sezzjoni A tal-Kampjonat tal-Minors minn Valletta FC?
Naħseb li s-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-Kampjonat tal-Minors kien il-ħidma bħala tim. Konna magħqudin ħafna, nafdaw lil xulxin u dejjem nagħtu l-aħjar tagħna. Barra minn hekk, id-dixxiplina u d-dedikazzjoni fit-taħriġ kienu importanti ħafna, kif ukoll il-gwida tal-kowċis bravi li għandna Coach Alessandro Piscina u Coach Stefan Giglio li dejjem emmnu fina. Barra min hekk is-serjetá u l-organizzazzjoni kbira ta’ Valletta FC.
Kemm hu importanti s-settur tal-grassroots fil-futbol?
Is-settur tal-grassroots hu importanti immens fil-futbol, għax hemm fejn jibda kollox. Hemmhekk it-tfal jitgħallmu l-bażi tal-logħba, id-dixxiplina u r-rispett. Jekk ikollok fondazzjoni tajba minn età żgħira, ikollok ċans aħjar li tiżviluppa u tasal aktar ’il quddiem.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Għall-futur tiegħi fil-futbol, qed inħares lejh b’ħafna tama u determinazzjoni. Nixtieq inkompli nitjieb, naħdem iebes u forsi xi darba nilgħab ma’ tim tal-kbar jew anke barra minn Malta. Naf li hemm ħafna xogħol x’nagħmel, imma determinat li nagħmlu.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jjibda jilgħab il-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol hu li qatt ma jaqta’ qalbu. Dejjem gawdi l-logħba, aħdem iebes u isma’ mill-kowċis tiegħek. Il-ħolm jista’ jsir realtà jekk temmen fik innifsek u tibqa’ persistenti. Nixtieq nghid grazzi mil qalb lil genituri tieghi ta support li dejjem tawni u ghadhom jatuni, lill-kowċis tad-dedikazzjoni kbira li għandhom u tat-tagħlim li jgħaddulna f’kull sessjoni, lil Valletta FC tal-importanza li jagħtu lill-plejers kollha u lil sħabi ta tim tal-ħbiberija sinċiera.


