Wednesday, April 22, 2026

‘Il-kollettività tat-tim mill-bidu nett kienet il-bażi ta’ dan is-suċċess’ – Samir Arab

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn età żgħira, meta tibda tagħmel il-ħbieb u tgawdi l-ħin fit-taħriġ, il-futbol jibda jsir parti importanti minn ħajtek. Kultant ikun ukoll kenn minn affarijiet oħra li tkun għaddej minnhom fil-ħajja. Tibda tħobbu aktar u tapprezza l-ferħ, il-kuntentizza u d-distrazzjoni pożittiva li jista’ jagħtik.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Balzan FC fejn int ukoll il-captain tat-tim.

Kienet esperjenza sabiħa ħafna. Ilni mal-klabb mill-2014 u, apparti s-sentejn sospensjoni, dejjem kont preżenti. Huwa privileġġ u unur li nkun captain tal-klabb.

Naturalment, is-sena li għaddiet kienet ta’ diżappunt kbir, għax fl-ewwel staġun tiegħi bħala captain esperjenzajna relegazzjoni diffiċli. Id-deċiżjoni tiegħi li nibqa’ ġiet bil-għan li ngħin lill-klabb jerġa’ jitla’ fl-ogħla diviżjoni, u għalhekk is-suċċess ta’ din is-sena, flimkien mal-għaqda tat-tim, għamel kollox ta’ siwi.

Barra minn hekk, irnexxieli wkoll nikser ir-rekord tal-aktar dehriet mal-klabb, u dik hija kisba oħra speċjali fil-vjaġġ tiegħi hawnhekk.

X’tikkummenta fuq il-kowċis Andrew Cohen u Bojan Kaljevic?

Huwa privileġġ għalina li għandna żewġ persuni rispettati jmexxuna, speċjalment wara dak li kisbu fil-karrieri tagħhom bħala plejers. Aħna nħarsu lejhom u nitgħallmu mill-għarfien u l-esperjenza tagħhom.

Għalkemm il-karriera tagħhom bħala kowċis għadha fil-bidu, diġà rnexxielhom jgħaddulna ħafna affarijiet. Dak li ksibna din is-sena, u t-titjib fl-istil ta’ logħob tagħna, ġie grazzi għal dak li rnexxielhom jittrasferulna.

Niġu issa għall-punt. X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-aħħar promozzjoni li ksibtu bħala Champions ta;-BOV Challenge League?

Il-kollettività tat-tim mill-bidu nett kienet il-bażi ta’ dan is-suċċess. Dejjem emminna li nistgħu niksbuh, u wara li qattajna ħafna mill-istaġun fl-ewwel post, naħseb li kien mistħoqq.

Meta jkun hemm twemmin u fiduċja f’xulxin, dan iwitti t-triq għas-suċċess. Għal ħafna mill-istaġun, naħseb li konna l-aqwa tim fil-kampjonat. Kien hemm mumenti fejn forsi stajna għalaqnieha qabel, iżda l-futbol hekk hu. Kull darba li timijiet oħra resqu lejna u poġġew pressjoni fuqna, dejjem irnexxielna nerġgħu nqumu.

Fattur ieħor importanti kien li, kuntrarju għal snin oħra, parti kbira mill-iskwadra kienet magħmula minn plejers Maltin, u dan b’mod naturali ħoloq sens qawwi ta’ għaqda fil-grupp u dinamika sabiħa fid-dressing room.

Fl-istess ħin, il-plejers barranin li kellna din is-sena kienu importanti ħafna għalina. Integraw ruħhom tajjeb, ikkumplimentaw il-qalba lokali tal-iskwadra u kellhom sehem kbir biex jinħoloq ambjent pożittiv ħafna fit-tim.

Kif tqis il-livell ta’ dan il-Kampjonat?

Huwa kampjonat diffiċli ħafna b’ħafna timijiet b’saħħithom, u kull logħba hija battalja.

Speċjalment meta plejers Maltin isibuha diffiċli biex jilagħbu regolarment fil-Malta Premier, ħafna qed jinżlu jilagħbu fil-First Division. Bħalma xi kultant il-Malta Premier ikun sottovalutat f’termini ta’ kwalità u diffikultà, nemmen li l-Challenge League ukoll huwa sottovalutat.

Id-differenza tista’ tkun li d-distakk bejn l-ewwel u l-aħħar tim hu akbar minn dak tal-Premier, iżda xorta waħda kważi kull logħba hija diffiċli.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi tat-training grounds jiddependu mill-klabb, għax mhux kulħadd jiffaċċja l-istess sfidi.

Rigward il-logħob, apparti l-aħħar ġurnata meta ntlagħbu tliet logħbiet fl-istess ħin, il-logħob sar prinċipalment fil-Victor Tedesco Stadium u ċ-Centenary Stadium. It-tnejn huma pitches tajbin biex tilgħab fuqhom. Naturalment, kulħadd jista’ jkollu preferenza. Pereżempju, aħna konna nippreferu s-Centenary Stadium għax ħassejna li s-surface kienet aħjar għalina. Iżda t-tnejn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-kampjonat u xi drabi jintużaw ukoll mill-Malta Premier.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

F’dan l-istadju, qed infittex li ngawdi l-ħin tiegħi fil-futbol. Issa ninsab eqreb lejn tmiem il-karriera tiegħi, għalhekk irrid ngawdi dak li fadal minnha.

Għad fadalli sena kuntratt mal-klabb. Naraw x’inhuma l-ideat tal-kowċis u tal-klabb fuqi, u nimxu minn hemm. Għalissa rrid ngawdi din il-waqfa u napprezza dak li ksibna din is-sena.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.

Il-messaġġ dejjem l-istess: gawdu dak li tagħmlu. Agħmluh mill-qalb u dejjem aspiraw għal affarijiet kbar.

Ħudu r-riskji u gawdu l-vjaġġ. Se jkun hemm mumenti baxxi u oħrajn sbieħ, iżda l-aktar ħaġa importanti hi li meta tħares lura fl-aħħar, tħossok sodisfatt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport