Il-players nisa baqgħu bil-bojkott tat-team nazzjonali minkejja li saret is-sejħa għal-logħba kontra l-Iżvezja valida mill-UEFA Nations League.
Jenni Hermoso ma ġietx inkluża fl-ewwel skwadra ta’ Spanja minn meta rebħu t-Tazza tad-Dinja tan-Nisa, iżda 15-il membru ta’ dak it-team trijonfanti ġew imsemmija.
Numru kbir ta’ players ibbojkottjaw lit-team wara li dak iż-żmien il-kap tal-Federazzjoni Spanjola tal-Football, Luis Rubiales, bies lill-attakkanta Hermoso wara l-finali tax-xahar li għadda fl-Awstralja.
Din il-kwistjoni, li baqgħet tkarkar għal xi ġimgħa, wasslet biex Rubiales kellu jirriżenja.
Nhar il-Ġimgħa, 39 player – inklużi 21 mit-23 rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja – qalu li l-istrajk tagħhom se jkompli sakemm isiru aktar bidliet.
Din kienet l-ewwel tħabbira tal-iskwadra mill-coach il-ġdida, Montse Tome, li ħadet post Jorge Vilda – meqjus bħala alleat mill-qrib ta’ Rubiales – wara li tkeċċa aktar kmieni dan ix-xahar.