Sunday, November 24, 2024

Il-PM iħabbar ħidma biex f’Malta jibda jsir il-kors ta’ veterinarji

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela ddiskuta maż-żgħażagħ minn kull qasam tal-ħajja u minn diversi għaqdiet f’inizjattiva mtella’ mill-Forum Żgħażagħ Laburista. Filwaqt li tqajmu suġġetti differenti, il-Prim Ministru emfasizza l-bżonn li f’Malta jkun hawn l-aqwa opportunitajiet għal kulħadd. Kien f’dan il-kuntest li żvela ħidma biex f’Malta jibda jsir għall-ewwel darba kors għal dawk li jaspiraw li jaħdmu bħala veterinarji. Spjega li għaddejin taħdidiet bejn l-MCAST u Università barranija.

“Tkellimt mad-diriġenti tal-MCAST, mill-ewwel kienet ir-reazzjoni tagħhom ħa naħdmu bis-saħħa biex din ir-realtà kerha ġewwa pajjiżna għaliex biex persuna tiggradwa bħala veterinarju, trid tmur tistuda barra ’l pajjiż, spiża għall-ġenituri, il-fatt illi trid titlaq mill-pajjiż għal numru ta’ snin tgħix barra l-pajjiż. Dik ir-realtà rridu nindirizzawha u noffru soluzzjoni għaliha. U bi pjaċir magħkom inħabbar illum illi b’kollaborazzjoni sħiħa li kien hemm bejn l-MCAST u Università barranija, irnexxielna propju naslu għall-ewwel darba fl-istorja ta’ dan il-pajjiż li se nkunu qed noffru dan il-kors għall-veterinarji, kors għal studenti Maltin u Għawdxin u persuni oħrajn li jibda jsir minn ġewwa Malta stess kienet xi ħaġa li kulħadd ħaseb li impossibli illi sseħħ, fl-aħħar dik ir-realtà wassalniha u għall-ewwel darba propju se nkunu qed noffru dan il-kors għall-veterinarji prospettivi.”

Il-Prim Ministru fakkar ukoll fl-inizjattiva tal-istitut tas-snajja’ fejn se jiġu kkonsolidati l-affarijiet f’dan is-settur u jiġi offrut taħriġ akkeditat b’kollaborazzjoni mal-industrija, edukaturi mħarrġa u ħaddiema ta’ esperjenza ta’ snajja’ varji li tagħmel parti mill-viżjoni li l-Partit Laburista għandu fis-settur edukattiv.

F’attività mtella’ miż-Żgħażagħ Laburisti, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela tkellem u sema’ diversi għaqdiet studenteski dwar diversi temi, partikolarment l-attiviżmu taż-żgħażagħ fil-politika, l-iżvilupp sostenibbli, l-importanza li ngħożżu l-lingwa Maltija u s-sehem ċentrali tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

“Hawnhekk is-sejħa tiegħi lil kull wieħed u waħda minnkom. Irridu nimbuttaw il-kwalitajiet tagħkom ’il quddiem,” kompla l-Prim Ministru filwaqt li emfasizza liż-żgħażagħ li l-kwalitajiet tagħhom għandhom sehem integrali fit-tfassil tal-politika. “U dik teħodna għat-8 ta’ Ġunju. Il-messaġġ li se jkun qiegħed jintbagħat dakinhar. Mhux noqogħdu d-dar u tirrenja l-apatija iżda li noħorġu nivvutaw għal min iġib fuq quddiem nett il-bidliet soċjali u ekonomiċi fuq livell nazzjonali u Ewropew.

Sport