Friday, April 26, 2024

Il-PM iħabbar li l-budget se jitressaq fil-11 ta’ Ottubru

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Gvern se jkun qed iressaq il-budget fil-11 ta’ Ottubru. Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt intervista fuq ONE Radio.

Qal li dan se jkun budget huwa msejjes fuq diversi prinċipji u bihom jagħti sinjal ċar tal-prosperità l-ġdida li bħala gvern beħsiebu joħloq. Baġit li se jkun ukoll jagħti indikazzjoni u direzzjoni ċara tal-istrateġiji importanti li ġew pjanati f’dawn l-aħħar xhur li fid-dokument tal-budget issa jieħdu l-ħajja.

Waqt l-intervista, il-Prim Ministru nnota diversi riżultati pożittivi li ħarġu mill-aħħar statistika, fosthom dik li pajjiżna rreġistra tkabbir ekonomiku ta’ 13.4%. Abela qal li dawn ir-riżultati jnisslu fih sens ta’ sodisfazzjon u dawn jingħaqdu ma’ numru ta’ indikaturi oħra li jikkonfermaw li pajjiżna qabad rittmu ekonomiku b’saħħtu u qed jirkupra sew mill-pandemija, liema pandemija għadha preżenti.

“Dawn ir-riżultati jagħmlulek kuraġġ meta tara dan it-tkabbir ekonomiku fit-tieni kwart ta’ 13.4%, ikkumparata mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, tagħmillek ħafna kuraġġ għax fuq naħa għandek l-ikbar xokk li qatt esperjenza l-pajjiż li ttrasformajnih fl-ikbar rata ta’ tkabbir ekonomiku. Jekk taqbad l-ewwel sitt xhur tas-sena, hemmhekk tara li għandna tkabbir ekonomiku ta’ 5.7%, li huwa darba u nofs iktar minn dak proġettat,” qal Abela.

Il-Prim Ministru qal li dan kollu ġie għal żewġ fatturi ewlenin: l-ewwel wieħed li l-gvern Laburista, qabel il-pandemija u anke wara, ħa ħsieb sew il-finanzi pubbliku u mexxa sew l-ekonomija.

Semma kif it-tieni aspett huwa dak li tul il-pandemija il-gvern dejjem ħa d-deċiżjonijiet li kienu meħtieġa. “Kien hemm mumenti ta’ qtigħ il-qalb, li kienu diffiċli ħafna imma dejjem imxejna bi prinċipju wieħed: bqajna kalmi, analizzajna l-problemi li kien hemm minn żmien għal żmien, ir-realtajiet li bdew jitfaċċaw u qatt ma qadna lura milli nieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa,” qal Abela. 

Il-Prim Ministru semma iktar statistika li turi r-realtajiet kif inhuma mingħajr ħadd ma jista’ jmerihom. “Jekk naraw il-ġid nazzjonali lħaqna kważi dak li konna qegħdin fih fl-2019. Riżultat ieħor sabiħ ħafna, fil-kuntest li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena kellek realtà fejn diversi setturi tal-attività ekonomika ta’ pajjiżna li kienu magħluqa biex nipproteġu s-saħħa tan-nies. Dan ir-riżultat tant b’saħħtu trid tarah f’dak il-kuntest.”

Semma kif b’dan kollu tara kemm verament pajjiżna qabad it-triq għall-irkupru ekonomiku u li dan jimlih b’kuraġġ għal aktar deċiżjonijiet.  Fuq kollox, Abela qal li tara l-fiduċja jtan-nies u kemm kien għaqli li jittieħdu d-deċiżjonijiet matul il-pandemija u li importanti li bħala gvern baqa’ jinvesti fin-nies.

“Bħala pajjiż konna mdorrijin li meta tfaqqa’ kriżi ekonomika, min jinvesti f’dan il-pajjiż kien joqgħod lura u ma kienx jistenna biss li r-riċessjoni tgħaddi imma kien ikun hemm numru ta’ snin fejn l-investituri jibqgħu ma jinvestux.”

Żied jgħid li wara l-2008, kelna l-erba’ snin ta’ wara li kien biss f’sena waħda li rajna tkabbir ekonomiku. B’kuntrast ma’ dan, illum għandna rekord ta’ investiment meta qed nitkellmu fuq din is-sena, fejn għadna għaddejin bil-pandemija, għandna livell ta’ investiment li qabeż dak tal-2019. Abela qal: “Qed nitkellmu €850 miljun. Dan kollu jfisser li huwa kollu dovut għal fattur wieħed: tal-fiduċja u l-kunfidenza,” filwaqt li żied jgħid li jħares ‘il quddiem lejn ix-xhur li ġejjin għal ħafna investiment li qed jiġi propost mis-settur privat. 

“Prijorità tibqa’ li dan il-gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet meħtieġa li jittieħdu fl-interess tal-pajjiż”

“Dak li huwa importanti huwa kif tkompli tkabbar l-ekonomija tal-pajjiż u tagħmel dan billi tieħu d-deċiżjonijiet. Fil-mument li l-gvern jieqaf jieħu d-deċiżjonijiet hemmhekk iwassal għal staġnar. Prijorità tibqa’ li dan il-gvern jibqa’ jieħu deċiżjonijiet meħtieġa li jittieħdu fl-interess tal-pajjiż. Dawn jittieħdu bil-galbu u b’konsultazzjoni wiesa’ man-nies. Daqstant importanti li mhux biss tiddeċiedi imma ma tagħmilx kif tagħmel l-Oppożizzjoni li kontra kollox u kontra kulħadd. Allaħares kelna naslu f’dik il-forma ta’ mentalità li naqbdu kruċjata kontra kollox u kontra kulħadd,” qal Abela.

Żied jgħid li tara li l-pajjiż jimxi ‘l quddiem meta tara fih il-kontribut tad-diversi setturi tas-soċjetà. Qal li Tim Malta mhux slogan politiku artifiċjali imma hija realtà ta’ kif pajjiż għandu jimxi ‘l quddiem. 

““Aħna l-gvern li l-għan tiegħu huwa li jwassal u jgħin lin-nies biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom”

“Aħna l-gvern li l-għan tiegħu huwa li jwassal u jgħin lin-nies biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Li tgħin lin-nies jilħqu fl-aspirazzjonijiet tagħhom tissarraf f’fiduċja fin-nies li tissarraf f’ġid u hemm jidħol il-funzjoni tal-gvern li jara li dak il-ġid jissarraf b’mod ekwu ma’ kulħadd.”

Is-sitwazzjoni ta’ qgħad f’pajjiżna huwa aqwa minn qabel ma bdiet il-pandemija

Abela tkellem ukoll dwar il-ħolqien tax-xogħol u li bħala gvern jaraw li kemm jista’ jkun li r-rata ta’ qgħad tinżamm l-isfel. Dwar dan irrefera għal statistika li turina li llum is-sitwazzjoni ta’ qgħad f’pajjiżna huwa aqwa minn qabel ma bdiet il-pandemija.

Abela pparaguna mas-sitwazzjoni tal-2008, fejn pajjiżna baqa’ tmien snin b’rata ta’ qgħad għolja. Din id-darba sena u nofs.

Abela qal: “F’pajjiżna domna sena u nofs b’rata ta’ qgħad li kienet aktar għolja minn dak li tlaqna minnha qabel il-pandemija. Illum għandna mal-1,500 persuna li qed jirreġistraw għax-xogħol. Fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti kelna ħames darbiet aktar.”

Waqt l-intervista, Abela tkellem dwar diversi inizjattvi li ttieħdu minn gvern Laburista fosthom dwar il-fatt li f’Ġunju tal-2020, il-gvern vara l-pjan tar-riġenerazzjoni ekonomika. Dan fisser investiment b’saħħtu ta’ €900 miljun fin-nies. 

Semma kif meta tieħu inkonsiderazzjoni l-wage supplement waħdu, il-gvern investa fih €600 miljun. Fi kliem Abela, dan huwa investiment massiv u mhux tberbiq kif jgħid li huwa l-Partit Nazzjonalista.

Wara l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, il-Gvern Laburista segwa dan bl-akbar baġit li qatt kelna f’pajjiżna, liema baġit fejn Abela qal kulħadd beża’ li kienu se jimxu b’politika ta’ awsterità li mexa l-gvern preċedenti, iżda ħareġ biċ-ċar li dan ma kienx il-każ.

Waqt l-intervista, Abela żied jgħid: “Kieku kien il-PN fil-gvern f’Marzu tal-2020, x’deċiżjoni kien jieħu? Kien jerġa’ jmur lura għad-deċiżjoni tal-awsterità. Kliemhom jikxifhom. Għax meta l-Kap tal-PN juża’ l-kelma ‘tberbiq’ turi li l-ħsieb tiegħu hija politika tal-awsterità. Li tuża’ tberbiq ta’ flus biex tiddeskrivi l-wage supplement u l-investiment li għamilna fuq il-vaċċin, juri li l-mindframe tiegħek għadu kif kien fl-2018: dak tal-awsterità.”

Abela tkellem dwar prinċipju ieħor important: il-kwalità tal-ħajja, liema prinċipju Abela qal li jrid jissimbolizza dak li l-PL jgħixi għalih. Qal li t-tħaris tal-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-pandemija bħala gvern trasformawh fil-ħarsien tas-saħħa tan-nies. 

Rigward il-proġett tal-marina ta’ Wied il-Għajn, il-Prim Ministru spjega l l-punt tat-tluq huwa li qegħdin fi stadju ta’ sejħa għall-ideat. “M’hemm l-ebda proposta konkreta. Din il-fażi li għaddejjin minnha bħalissa huwa proċess fejn l-awtorita’ ħa tkun qed tisma’ mingħand in-nies… Li hu żgur l l-aċċess għall-bajja bi kwalunkwe żvilupp irid jibqa’ garantit. Il-partijiet fejn illum isir l-għum irid jibqa’ aċċessibli għan-nies u mhux mittiefsa. Ir-realtà hi li meta jkollok grigalata, jitla’ l-baħar fit-triq u jagħmel ħerba. Fl-aħħar mill-aħħar qegħdin fi proċess tal-ideat, li nisimgħu lin-nies… Irridu kwalita’ ta’ ħajja għan-nies li hija waħda tajba. Prosperita’ ġdida għall-Maltin u Għawdxin kollha bi kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Sport