Sunday, December 22, 2024

Il-PM jżur lill-ħaddiema ta’ Centrecom… fl-aħħar 3 snin żiedet l-impjegati b’iżjed minn 600 persuna

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fi żjara fil-call centre ta’ Centrecom fil-Mosta, il-Prim Ministru Robert Abela osserva mill-qrib il-proċess organizzat ta’ kif jittieħdu l-eluf ta’ telefonati kuljum mill-ħaddiema ta’ din il-kumpanija. Huwa nnota s-sens ta’ apprezzament li għandhom l-impjegati fir-rigward tal-flessibilità fil-ħinijiet u miżuri oħrajn li jgħinuhom isibu bilanċ bejn il-familja u x-xogħol.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru rringrazzja lill-ħaddiema tad-dedikazzjoni li juru ta’ kuljum biex iżommu lill-pubbliku infurmat dwar servizzi governattivi offruti mis-Servizz Pubbliku u minn entitajiet governattivi oħra.

Il-Prim Ministru sema’ wkoll kif 85% tal-impjegati għandhom bejn 18 u 39 sena filwaqt li 63% tal-ħaddiema huma nisa u sussegwentament jokkupaw ukoll karigi għolja u maniġerjali fi ħdan il-kumpanija.

Bħala parti mill-viżjoni ta’ inklussività li tħaddan Centrecom, il-kumpanija tħaddem ukoll 10 persuni b’diżabilità.

Matul l-aħħar sena l-kumpanija rċeviet iżjed minn miljun telefonata marbuta ma’ servizzi offruti taħt il-kappa ta’ servizz.gov, fost telefonati oħrajn li joffru l-assistenza meħtieġa għal servizzi offruti minn entitajiet governattivi oħrajn.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Centrecom Robert Spiteri qal li l-kumpanija qiegħda kontinwament tinvesti fit-taħriġ tal-ħaddiema filwaqt li tassigura li jkollhom l-aħjar għodda u bl-aktar teknoloġija avvanzata fis-suq bil-għan li tkun tista’ toffri servizz ta’eċċellenza.

“Meta mxejna fl-uffiċini fil-Mosta, komplejna nkabbru l-operat tagħna kemm lokalment kif ukoll b’servizz li jolqot diversi klijenti internazzjonali. Dan nagħmluh billi nfittxu impjegati li huma determinati li joffru servizz ta’ kwalità lill-klijenti tagħna,” temm jgħid is-Sur Spiteri.

Għaż-żjara kien hemm preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.

Ekonomija

Sport