Saturday, April 27, 2024

Il-PM tal-Iżvezja tħabbar li se tirriżenja wara r-rebħa tal-partiti lemini

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tal-Iżvezja Magdalena Andersson aċċettat it-telfa fl-elezzjo­ni ġenerali li saret nhar il-Ħadd li għadda hekk kif il-koalizzjoni ċentru xellugija tagħha jidher li tilfet bi ftit kontra l-grupp ta’ partiti lemini. Hekk kif kważi l-voti kollha ġew magħduda r-riżultat qed juri li l-koalizzjoni ta’ Andersson kisbet 173 siġġu filwaqt li l-koalizzjoni lemini kisbet 176 siġġu. 

B’riżulta ta’ dan, issa l-kap ta’ Partit Moderat Ulf Kristersson mistenni li jifforma gvern ġdid. Il-grupp rebbieħ jinkludi l-partit Demokratiku Żvediż – partit lemini estrem li kkampanja ħafna kontra ż-żieda ta’ vjolenza minn gangs ġewwa dan il-pajjiż. 

Ta’ min jgħid li r-riżultat finali u uffiċjali għadu jrid jiġi kkonfermat u dan hekk kif il-voti jridu jerġgħu jiġu magħduda – prattika li ssir f’kull elezzjoni ġewwa l-Iżvezja. Iżda minkejja dan, Andersson aċċettat it-telfa u qalet li se tkun qiegħda tirriżenja. F’konferenza tal-aħbarijiet hija kkonfermat li l-oppożizzjoni rebħet “b’siġġu wieħed jew tnejn” u qalet li minkejja li din hi maġġoranza żgħira, xorta waħda hi maġġoranza. 

Dan ir-riżultat segwa kampanja elettorali qalila fejn it-temi l-iktar jaħarqu kienu l-gangs armati, l-immigrazzjoni u l-kwistjonijiet tal-integrazzjoni kif ukoll il-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-elettriku. 

Ir-riżultat elettorali huwa wieħed sinjifikanti ħafna għall-politika Żvediża hekk kif sa ftit żmien ilu l-partit Demokratiku Żvediż kien meqjus bħala wieħed “imwarrab” iżda issa kiseb 20% tal-voti. 

Dan il-partit ikkampanja fuq l-għajta li se jerġa’ jagħmel lill-Iżvezja sigura u dan billi jagħmel sentenzi ta’ ħabs iktar ħorox u anke jagħmel restrizzjonijiet fuq l-immigrazzjoni. 

Sport