Wednesday, October 9, 2024

Il-PM Taljana bi kliem iebes kontra l-Prosekutur Pubbliku ta’ Palermo

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni kellha kliem iebes fil-konfront tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Palermo f’każ fejn il-Viċi Prim Ministru Matteo Salvini qed ikun akkużat li poġġa f’periklu l-ħajja ta’ 147 immigrant irregolari f’Awwissu 2019.

Dawn l-immigranti kienu salvati mill-għaqda Open Arms li kienet tablet li jitniżżlu l-art fuq il-gżira Taljana ta’ Lampedusa. Salvini, li dak iż-żmien kien Ministru tal-Intern, kien irrifjuta li jagħti l-approvazzjoni biex dan iseħħ.

Il-Prosekutur Geri Ferrara qal lill-qorti f’Palermo li hemm prinċipju ewlieni wieħed li mhuwiex dibattibbli – bejn id-drittijiet tal-bniedem u l-protezzjoni tas-sovranità tal-istat, huma d-drittijiet tal-bniedem li jridu jipprevalu f’sistema demokratika. Fuq din il-bażi Ferrara talab lill-Qorti illi l-Viċi Prim Ministru Taljan għandu jintbagħat sitt snin ħabs.

F’messagg iebes fuq X, il-Prim Ministru Taljan Meloni qalet li huwa fatt inkredibbli li l-Prosekutur Pubbliku ta’ Palermo jrid jibghat lil Salvini l-habs talli għamel xogħlu u ddefenda l-fruntieri tal-Italja, kif kien ingħata mandat biex jagħmel mill-eletturi Taljani.

Meloni ddeskriviet bħala preċedent gravissimu l-fatt li l-protezzjoni tal-fruntieri Taljani mill-immigrazzjoni illegali qed tkun trasformata f’att illegali. Hija esprimiet solidarjetà totali ma’ Matteo Salvini.

Fuq l-istess linja esprima ruħu l-Viċi Prim Ministru l-ieħor Taljan, Antonio Tajani, li fuq X kiteb li Salvini kien qiegħed biss jagħmel xogħlu u ddeskriva t-talba li qed issir mill-Prosekutur Pubbliku biex jintbagħat sitt snin ħabs, bħala għażla bla raġuni u bla ebda bażi gġuridika.

Min-naħa tiegħu Salvini qal li d-difiża tal-Italja mhix reat u ddikjara li mhux se jieqaf jaqdi d-dmirijiet tieghu. Il-Viċi Prim Ministru Taljan saħaq li grazzi għall-azzjonijiet tal-gvern li tieghu huwa kien Ministru tal-Intern, l-iżbarki u l-imwiet tal-immigranti fil-Mediterran naqsu, waqt li sejjaħ il-proċess kontra tiegħu bħala wieħed politiku.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport