Saturday, October 5, 2024

DISKORS LI JIFFOKA DWAR IT-TRIQ ‘IL QUDDIEM

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħalla l-għeluq tal-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista biex jagħmel diskors viżjonarju dwar il-futur ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. F’dan il-kuntest, il-Gvern se jeleva ‘il fuq il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna billi jibni fuq ħames prinċipji ewlenin, li se jwittu t-triq lejn ekonomija li mhux biss tikber imma tgħolli l-livell tal-għajxien ta’ pajjiżna u l-kwalità tal-impjiegi.

B’dan, kif qal il-Prim Ministru stess, pajjiżna se jkompli miexi ‘l quddiem u jikteb il-kapitlu li jmiss taħt Gvern Laburista. Il-Prim Ministru kien korrett ħafna, fil-fehma tagħna, meta qal li l-Gvern irid jgħid lill-poplu minn qabel x’se jkun qiegħed jagħmel qabel imur jitolbu l-fiduċja tiegħu fi tmiem il-leġiżlatura. Għalhekk huwa importanti li l-poplu ma jrażżanx il-ħidma u l-ambizzjonijiet tiegħu u ma jħallix il-progress jintefa’ mill-biża’ u t-taqtigħ il-qalb. Dan għaliex il-Partit Laburista ma jistenniex il-futur jiġi imma jkun hu stess li jikteb il-futur ta’ pajjiżna.

Kif ilu jagħmel, il-Partit Laburista fiż-żmien li ġej se jkompli bl-impenn tiegħu li jisma’ mingħand in-nies biex jagħraf aktar l-aspirazzjonijiet u l-ideat tagħhom biex ikun jista’ jindirizzahom b’mod sodisfaċenti. Dan għandu jimla’ lil kulħadd bil-kuraġġ biex iħares lejn ġejjieni aħjar għal pajjiżna.

Konvinti li kemm il-Partit Laburista u anke l-Gvern, se jkomplu jagħtu widen għall-weġgħat tan-nies u fuq kollox b’perspettitva għall-futur fis-sens li ma nibqgħux nitkellmu biss fuq dak li għamilna imma fuq dak li nistgħu nagħmlu. U kienet proprju din l-enfasi b’konvinzjoni min-naħa tal-Prim Ministru illi għandna nitkellmu fuq x’se jkun qed isir aktar milli niffokaw fuq dak li diġà nkiseb. Dan għandu jkun imsejjes fuq it-tajjeb li diġà sar bid-diversi miżuri u riformi li ttieħdu kważi fl-istrutturi kollha tal-ħajja tas-soċjetà Maltija. 

B’dak li qal il-Prim Ministru, nemmnu li dan huwa riflessjoni ta’ partit imġedded, li jiġbed lejh firxa wiesgħa ta’ nies b’ideat u konvinzjonijiet differenti, li jemmnu wkoll fil-valuri progressivi biex l-aspirazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin jintlaħqu u jinbidlu f’realtà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport