STURDAMENT U UĠIGĦ TA’ RAS
Wara budget soċjali storiku ieħor illi tħabbar il-ġimgħa l-oħra mill-Prim Ministru Robert Abela, u l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, il-Kap tal-Oppozizzjoni Bernard Grech iddeskriva lill-imħuħ wara dan il-budget bl-iktar mod diżrispettuż. Dan għamlu b’diversi attakki waqt id-diskors tiegħu fir-risposta għall-budget, fosthom jispikka l-mument x’ħin uża t-termini sturdament u uġigħ ta’ ras. Din il-Politika li qed jimxi biha l-Partit Nazzjonalista immexxi minn Bernard Grech tkompli turi l-arroganza li l-Partit irid jibqa’ jimxi biha u n-nuqqas ta’ etika li jitlob l-irwol ta’ politiku.
Ta’ min wieħed isemmi illi skond stħarriġ li ħareġ propju l-ġimgħa l-oħra, iktar minn 70% tal-poplu jemmen illi l-budget hu tajjeb jew tajjeb ħafna. Dawn il-figuri jkomplu juru fiduċja ċara lejn il-Gvern Laburista, u l-viżjoni tiegħu għas-snin li ġejjin. Min-naħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jipprova jirbaħ punti politiċi billi jmur ‘l barra minn xtutna jgħid kontra pajjiżna, filwaqt li jinfexx f’tgħajjir u kritika negattiva li verament iqabbduk uġigħ ta’ ras u sturdament.
Min-naħa l-oħra, aħna nkomplu naħdmu għall-pajjiżna. Inkomplu nfasslu futur b’viżjoni ta’ ġustizzja soċjali, fejn nibqgħu ngħinu lill-batut u nagħtuh l-opportunitajiet biex jimxi ‘l quddiem. Inkomplu ninvestu fil-ġid ekonomiku għal dan il-pajjiż, u nagħtu prijorità lill-ambjent u l-pajsaġġ naturali li hu għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin kollha.