Monday, May 13, 2024

IL-POPLU KONXJU TAD-DIFFERENZA BEJN IŻ-ŻEWĠ NAĦAT?

Aqra wkoll

Tassew f’ġimgħa oħra fejn komplejna naraw żviluppi politiċi iżda anki żewġ Mexxejja b’impenji lejn Jum il-Ħaddiem, id-differenza kompliet toħroġ b’aktar mod ċar. F’ġimgħa oħra li kompla jiġi kkonfermat l-assentiżmu min-naħa ta’ Oppożizzjoni li mbagħad taċċenna li hi trid tkun Gvern alternattiv. 

Wara li lejn l-aħħar tal-ġimgħa l-oħra għalqet il-konsultazzjoni pubblika għar-riforma tal-kostruzzjoni, riforma mressqa mill-Gvern biex iddaħħal standards ġodda f’dan is-settur u pereżempju trid tobbliga li kuntrattur ikollu liċenzja u mhux jaqbad jixtri l-inġenji u jibda bl-operat tiegħu kif ġib u laħaq, sirna nafu li l-Oppożizzjoni ma ssottometiet l-ebda proposta f’din il-konsultazzjoni li damet miftuħa iżjed minn xahar. Dan il-fatt żvelah il-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fil-Parlament fil-bidu ta’ emendi ġodda mressqa fl-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, Awtorità li issa bdiet tħalli l-marka tagħha, sentejn wara t-twaqqif tagħha u hija parti minn sensiela ta’ riformi li qed jagħmel il-Gvern fis-settur tal-kostruzzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jista’ mhux iħambaq kemm taħarqu qalbu għal dan is-settur iżda mbagħad lanqas felaħ iressaq ‘il quddiem proposta waħda bl-iskuża li hu jressaq proposti biss fil-Parlament. Fil-fatt għad-diskors tiegħu din il-ġimgħa qajla stajna nagħrfu x’inhuma l-ideat tal-Oppożizzjoni f’dan is-settur. Innutajna wkoll arroganza b’dikjarazzjonijiet bħal: “Aħna m’għandniex għalfejn nipparteċipaw fi proċess ta’ konsultazzjoni.” Arroganza li hija sintomatika li tgħolli rasha xħin l-Oppożizzjoni tħoss li hemm ċertu numri. 

Bla dubju l-assentiżmu min-naħa tal-PN f’riforma, li għaliha ressqu sottomissjonijiet bosta għaqdiet u organizazzjonijiet, mhux każ iżolat. Niftakru l-istess Bernard Grech x’għamel dwar ir-riforma fil-liġi tal-kannabis. Niftakruh jgħid li l-Gvern ikkupjalu l-liġi mbagħad ma ħax sehem f’konsultazzjoni fuq abbozz ta’ liġi li għalih il-Gvern kien ħareġ White Paper. Dan biex biex wara, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien spiċċa kontra din ir-riforma li anki l-ewwel ried il-prosit tagħha. Niftakru wkoll l-istess Oppożizzjoni assenti mill-iskrutinju parlamentari dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, riforma oħra li ddaħħlet mill-amministrazzjoni preżenti. Dan biex ma nsemmux li l-ġimgħa l-oħra rajna episodji fil-Parlament ta’ min iħassar il-logħob għax l-affarijiet ma jiġux kif irid hu. Oppożizzjoni li spiċċat telqet ‘il barra mill-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż li tirrappreżenta lilna ċ-ċittadini biex ma ddiskutitx emendi dwar il-vjolenza domestika filwaqt li qabel mal-Parlament aġġorna għall-vaganzi tal-Għid rajna pantomima sħiħa mill-istess Oppożizzjoni li qamet toġġezzjona li ssir laqgħa ta’ Kumitat Parlamentari li kellu jiddiskuti emendi legali li bihom tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità billi fuq reati serji, il-Pulizija jkollha l-opportunità titlob estensjoni tat-48 siegħa arrest minn Maġistrat biex tkompli tinvestiga.

Quddiem anki dikjarazzjonijiet tal-Oppożizzjoni li l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fl-enerġija mhiex sostenibbli u talba sa riċentament biex jibda l-“phasing-out” tas-sussidju, tikber ir-responsabbiltà ta’ Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela li jkompli jagħti s-serħan il-moħħ, l-istabbiltà u l-fiduċja fil-pajjiż. Il-kontro-risposta tal-Gvern kienet ċara, inċidentalment fl-istess jiem li l-EUROSTAT innota fit-titlu ta’ statistika li ppubblika, li Malta kienet wieħed minn żewġ Stati Membri biss li l-kontijiet tad-dawl ma għolewx. Il-Prim Ministru rrimarka li l-għajnuna tal-Gvern se tibqa’ tiġi sostnuta anki f’kuntest li l-piż tad-dejn imqabbel mal-Prodott Domestiku Gross kompla jonqos u taħt sew dak previst. 

Nifhmu u nagħrfu li l-poplu ma jridx qtigħ il-qalb iżda l-inċentiv. Mhux protesti iżda ħidma li tiċċelebra l-kisbiet tal-ħaddiema. Fl-indirizz li l-Prim Ministru għamel fil-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, saħaq fuq tliet prinċipji; il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet, l-investiment fin-nies u r-riformi favur it-tisħiħ tad-drittijiet tal-familji li jkomplu jtejbu tassew il-qagħda tal-ħaddiema, ma nistax ma niftakarx f’din l-espressjoni; lanqas in-nida ħdejn ix-xita bejn l-ideat ta’ Mexxej u ieħor. Għalhekk l-għażla hija ċara, għada l-1 ta’ Mejju l-għażla hija ċara, għandna flimkien ninġabru l-Belt biex mhux biss infakkru l-aħħar kisbiet riċenti iżda nħarsu lejn il-ġejjieni b’ottimiżmu.

Sport