Wednesday, April 24, 2024

JUM IL-ĦADDIEM – JUM LI JIBQA’ RELEVANTI

Dr Marija Sara Vella Gafà

Aqra wkoll

Forsi uħud jaħbsu li għalina ż-żgħażagħ din il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, mhix relevanti iżda huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd li bħalma ġara f’ħafna pajjiżi, f’Malta wkoll l-għaqda bejn il-ħaddiema wasslet biex inkisbu drittijiet kbar li lkoll qed ingawdu minnhom illum.

Għall-Partit Laburista, li sa mit-twaqqif tiegħu ħadem biex ikun it-tarka tal-ħaddiem, din il-festa hija ċelebrazzjoni ta’ dak kollu li l-Partit tagħna ħadem għalih  favur iż-żgħir. Matul is-snin rajna Partit li kompla jaħdem favur aktar drittijiet għall-ħaddiem. Anke fiż-żminijiet riċenti rajna lill- Gvern jintroduċi miżuri li jinkoraġixxu aktar family friendly measures biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu aktar il-familji tagħhom

Dan il-Gvern ħadem billi ta s-saħħa liż-żgħir, u partikularment lilna ż-żgħażagħ biex nagħmlu l-ewwel pass u jkollna l-ħolma tagħna sseħħ billi jkollna x-xogħol jew l-intrapriża li nixtiequ. Meta llum f’pajjiżna għandna l-inqas rata ta’ qagħad li qatt kellna jfisser li l-Gvern Laburista ta d-dinjita wkoll lill-ġenerazzjoni żagħżugħa li tista’ taħdem u tiżviluppa t-talenti tagħha f’pajjiżna stess.

Ħafna jħossu li l-Gvern Laburista tahom il-libertà li jimirħu u jiksbu x-xewqat li kellhom, għaliex dan il-Gvern jemmen fil-ħaddiem bil-fatti. Jemmen fl-intrapriżi ż-żgħar li bosta minnhom qegħdin jinbdew minn żgħażagħ li joħolmu li jkollhom in-negozju tagħhom. Il-Gvern qed ikompli jgħin lil dawn l-intrapriżi b’diversi inċentivi, biex jissaħħu, jikbru u jkomplu jinvestu f’pajjiżna. L-investimenti li qed isiru minn dawn in-negozji qed jiftħu orrizzonti ġodda u qed joħolqu wkoll interess minn investituri barranin fis-suq Malti. Dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ li mill-iżgħar persuna sal-akbar persuna huma relevanti fis-socjetà tagħna.

Bħala l-Partit tal-Ħaddiema li dejjem emminna fil-qawwa tal-edukazzjoni, aħna rridu nibqgħu pratogonisti li nagħtu lill-istudenti tagħna, l-għodda kollha biex ikomplu jistudjaw u jestendu l-ħiliet tagħhom fis-snajja u f’oqsma differenti li fihom sejra l-ekonomija tagħna. Irridu nkunu aħna li nżommu s-setturi kollha tagħna relevanti b’żgħażagħ ta’ ħiliet li jkomplu jinvestu f’pajjiżna. 

Qed ikollna kontinwament sidien ta’ intrapriżi differenti jfittxu impjegati b’ħiliet differenti sabiex ikabbru l-intrapriża tagħhom. Kemm huwa mportanti li l-ħaddiema Maltin jaħtfu kull opportunità li qed jiġu maħluqa fil-pajjiż, b’mod speċjali f’setturi ġodda bħal dawk tal-ekonomija l-ħadra u l-ekonomija ċirkulari. L-ekonomija Maltija tant iddiversifikat li min iħaddem qed ifittex mhux biss ħaddiema Maltin iżda wkoll dawk barranin. Din hija prova ċara tal-bżonn  li nħoloq għall-ħaddiema fis-setturi kollha iżda b’mod partikolari f’ħiliet ġodda li għalihom mhumiex jinstabu biżżejjed ħaddiema Maltin. Għandna issa setturi li mhux biss huma ġodda iżda li qed jikbru kontinwament bħal dawk tas-Servizzi Finanzjarji, l-Informatika, il-Gaming, l-intelliġenza artifiċjali u ħiliet ġodda oħra. Ħafna żgħażagħ Maltin u Għawdxin daħlu f’dawn is-setturi u komplew jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom iżda hemm ġtieġa kbira li aktar żgħażagħ jitħarrġu f’dawn l-oqsma ħalli nkunu nistgħu nissodisfaw is-suq tax-xogħol Malti b’aktar Maltin.

Għandna nkunu aħna bħala Partit Laburista li ngħinu bl-aħjar mod possibbli biex ikollna aktar żgħażagħ li jieħdu l-ewwel pass u jibdew huma stess  intrapriża żgħira kemm hi żgħira, li tħalli l-frott lill-ekonomija tagħna u lil pajjiżna. Missierijietna ħadmu qatigħ biex iħallulna pajjiż li joffrilna opportunitajiet u li jkollna setturi li nkunu nistgħu nimirħu fihom. 

Dr Marija Sara Vella Gafà – Sindku tal-Gudja

Jien li ġejja minn familja ta’ ħaddiema li raw li jinvestu fil-pajjiż u jimpjegaw ammont żgħir ta’ impjegati, nifhem il-bżulija u s-sagrifiċċju li jsiru sabiex wieħed iħaddem u jżomm intrapriża żgħira fuq saqajha minkejja d-diffikultajiet li ġġib magħha. Nifhem kif ta’ qabilna għamlu minn kollox biex jkollna l-għażliet u l opportunitajiet fil-ħajja tax-xogħol tagħna. 

Iċ-ċelebrazzjoni li qed jorganizza l-Partit Laburista fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem hija waħda li tixraq għall-klassi tal-ħaddiema Maltin u Għawdex. Għandna għaliex tassew niċċelebraw u mhux nipprotestaw f’dan il-jum għaliex għall-Partit tagħna, id-drittijiet tal-ħaddiema dejjem kienu pilastru ewlieni tat-twemmin tagħna. B’dan it-twemmin wassalna biex id-drittijiet li qed igawdu l-ħaddiema Maltin illum huma fost l-aqwa fid-dinja u dan qed iwassal biex inkomplu ntejbu l-kwalita tal-ħajja tal-familji tagħna. 

Sport