Wednesday, April 24, 2024

Il-pressjoni qed tikber fuq Max Allegri

Aqra wkoll

It-telfa “umiljanti” ta’ Juventus ta’ 1-0 kontra Monza kienet l-aħħar riżultat negattiv li kompla jesponi l-kriżi tal-Bianconeri biex żdiedet ukoll il-pressjoni fuq il-coach Massimiliano Allegri li jitkeċċa mill-kariga tiegħu.

Juventus bħalissa jinsabu fit-tmien post tal-klassifika tas-Serie A wara seba’ partiti meta għandhom 10 punti li waslu minn żewġ rebħiet u erba’ draws.

Meta wieħed iqis li l-kampjonat għadu fil-bidu tiegħu, huma diġá jinsabu seba’ punti taħt il-leaders Napoli u Atalanta.

Barra minn hekk, il-pożizzjoni tagħhom fil-UEFA Champions League m’hija xejn favorevoli.

Juventus tilfu l-ewwel żewġ logħbiet tal-Fażi tal-Gruppi kontra Paris Saint-Germain u Benfica, bl-iskor identiku ta’ 2-1.

Għaldaqstant issa rebħa kontra Maccabi Haifa hija mperattiva  jekk iridu jkomplu jittamaw li jikkwalifikaw għar-round tal-Aħħar 16 jew aħjar il-fażi eliminatorja. Telfa tkun tfisser xifer l-eliminazzjoni fi stadju hekk bikri.

Filwaqt li huwa minnu li l-injuries illimitaw ħafna l-għażliet ta’ Allegri, din l-”iskuża” tista’ tmur biss safejn il-pressjoni tibda tiżdied.

Minkejja din is-sitwazzjoni, bla dubju, huwa jinsab taħt il-mik­roskopju tad-diriġenti … sa­kemm jiġi deċiż li għandu jitkeċċa. 

Il-kap eżekuttiv tal-club, Maurizio Arrivabene, kien ċar qabel il-logħba kontra Monza, fejn innota kif “bidla tkun ġenn assolut” u enfasizza s-snin li fadal fuq il-kuntratt tal-coach.

Dan huwa aspett ewlieni – Allegri jaqla’ madwar €9m kull staġun u l-kuntratt tiegħu jintemm f’Ġunju 2025. Jekk Juventus ikeċċu lil Allegri fil-jiem li ġejjin … ikunu jridu jħallsu kumpens ta’ €32 miljun.

Il-ħatra tal-coach, Roberto De Zerbi, ma’ Brighton proprju l-Ħadd li għadda, tfisser ukoll li hemm nuqqas ta’ sostituti denji biex jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltá tat-team  jekk Allegri jitkeċċa.

Minħabba dan, huwa probabbli li l-club se jistenna sa wara t-Tazza tad-Dinja għall-inqas qabel ma jagħmel xi tibdil tekniku, li jippermetti lill-coach jiskopri mill-ġdid uħud mill-istilel imweġġgħin tiegħu bħal Federico Chiesa u Paul Pogba.

Sport