Friday, April 19, 2024

Tennis: Spanja fil-kwarti-finali tat-Tazza Davis

Aqra wkoll

L-ospiti Spanja se jiltaqgħu kontra l-finalisti tas-sena l-oħra, il-Kroazja, fil-kwarti-finali tat-Tazza Davis f’Malaga f’Novembru li ġej.

L-Olanda u l-Istati Uniti, li t-tnejn għelbu lill-Gran Brittanja fi Grupp D ta’ kwalifikazzjoni, jiffaċċjaw lill-Awstralja u l-Italja rispettivament fl-aħħar tmienja.

Il-Ġermanja se tilgħab kontra l-Kanada fil-logħba l-oħra tal-kwarti-finali.

L-istadju tan-knockout tat-Tazza Davis jibda fit-22 ta’ Novembru fil-Martin Carpena Arena bil-finali ssir ħamest     ijiem wara.

Iċ-champions tal-2019, Spanja, kienu jafu li kellhom jegħlbu lill-Korea t’Isfel li kienu bla rebħa biex javvanzaw fir-round finali tal-gruppi nhar il-Ħadd.

Rebħiet dritti għal Roberto Bautista Agut u n-numru wie­ħed tad-dinja, Carlos Alcaraz (ritratt), fis-singles rawhom jgħaddu mal-aħħar tmienja.

Alcaraz kien sofra telfa ta’ 6-7 (3-7) 6-4 6-2 kontra Felix Auger-Aliassime tal-Kanada nhar il-Ġimgħa f’dik li kienet l-ewwel partita tiegħu minn meta rebaħ il-US Open kontra n-Norveġiż, Casper Ruud.

Madankollu, iż-żagħżugħ ta’ 19-il sena għeleb lil Kwon Soon-woo 6-4 7-6 (7-1) u Bautista Agut għeleb lil Hong Seong-chan 6-1 6-3 biex kisbu posthom fl-istadji tan-knockout.

L-organizzaturi tat-Tazza Davis qalu li kienu “verament kburin” bil-fażi tal-gruppi tal-finali li ntemmu l-Ħadd min­kejja li bosta minnhom kienu bla interess u partiti li spiċċaw tard.

Nhar il-Ħamis l-eks numru wieħed fid-dinja, Andy Murray, qal li l-logħob tat-tennis tard bil-lejl ma tantx jidher “professjonali”.

Il-Brittaniku kien għadu fuq il-court sa kważi s-1.00 am ħin Ingliż nhar il-Ħamis fi Glasgow, meta kien qed jilgħab fid-doubles ma’ Joe  Salisbury reġa’ kien fl-azzjoni għal GB kontra l-Kazakhstan nhar il-Ħadd – partita ta’ konsolazzjoni għaż-żewġ naħat wara li kull it-tnejn bdew b’żewġ tel­fiet.

Iżda Enric Rojas, kap eżekuttiv tas-sieħeb kummerċjali tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tennis, Kosmos, qal li jħoss li l-format il-ġdid qed “tassew jaħdem”.

“Ma nistax nevita li ngħid li ffaċċjajna ftit sfidi u kwistjonijiet, li huma taħt reviżjoni,” huwa qal.

“Aħna tassew kburin bir-riżultat ta’ din il-ġimgħa. Naħseb li urejna li l-format jaħdem.

“Issa bl-erba’ bliet differenti, bl-erba’ gruppi, imbagħad imorru għall-aħħar tmienja lejn Malaga, huwa format li għandu jibqa’.”

Il-gruppi kienu ffurmati hekk:

A – Italja, Kroazja, Svezja, Arġentina (f’Bologna)

B – Spanja, Kanada, Serbja, Korea t’Isfel (f’Valencia)

C – Ġermanja, Awstralja, Franza, Belġju (f’Hamburg)

D – Olanda, Stati Uniti, Gran Brittanja, Każakstan (fi Glasgow)

Il-kwarti-finali se jintlagħbu hekk:

Italja v Stati Uniti; Ġermanja v Kanada; Spanja v Kroazja; Olanda v Awstralja

Sport