Wednesday, March 27, 2024

IL-PREŻENT HUWA L-ĦOLQA BEJN IL-PASSAT U L-FUTUR

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Il-preżent huwa l-ħolqa bejn il-passat u l-futur. Jinbena abbażi ta’ dak li sar qabel imma b’miri li jħarsu ‘l quddiem. Għalkemm il-passat jibqa’ passat u ma tistax treġġgħu lura, ikun żball jekk tinjorah kompletament. Ħarsa lejh twasslek biex jekk tkun ġenwin miegħek innifsek tirrikonoxxi fejn stajt kont żbaljat, tikkoreġi l-iżball għall-preżent u fuq il-preżent imtejjeb tibni għal quddiem. Meta tagħmel hekk tkun qed taħdem b’għaqal li jkun jista’ jirrendilek meta jinqalgħu ċirkostanzi li ma jkunux previsti. 

Eżempju klassiku ta’ sitwazzjoni bħal din hija dik maħluqa mill-pandemija Covid-19. Rajna x’ikkawżat globalment. X’diżastri ħolqot. Kemm ekonomiji kissret. Kemm pajjiżi kbar niżżlet għarkuptejhom. U meta deher xaqq ta’ dawl li l-kbir kien donnu beda jgħaddi faqqgħet l-invażjoni Russa fl-Ukranja u l-gwerra konsegwenzjali ta’ bejniethom u li għadha għaddejja b’dak kollu li ġġib magħha gwerra. Imwiet, tkissir u tbatijiet biss.

Huwa minn dan l-isfond li trid tħares lejn is-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna u lejn dak ippjanat għall-futur bażat fil-Programm Elettorali Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2022. F’Ottubru li għadda tħabbar l-ewwel baġit ta’ din il-leġiżlatura u allura l-bidu ta’ implementazzjoni ta’ programm ta’ ħidma.

Tikteb il-Ministru Julia Farrugia Portelli

Għax ħdimna bil-għaqal fil-passat meta seħħ dan il-gwaj kollu sabna sodi biżżejjed biex stajna nirreżistu. Biex stajna nibqgħu poplu reżiljenti. Biex in-negozji tagħna setgħu jibqgħu jeżistu u jaħdmu anke jekk b’restrizzjonijiet, imma mhux bħalma ġara f’pajjiżi oħrajn, fejn in-negozji tkissru u kellhom jgħalqu l-bibien u jitfgħu lill-ħaddiema fit-toroq. Imqabbel mas-sitwazzjoni ta’ qabel bdiet il-pandemija Covid-19 konna l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ħareġ minnha b’aktar nies jaħdmu, b’inqas nies jirreġistraw għax-xogħol, b’inqas nies inattivi. Rajna u għadna qegħdin naraw x’ġara u x’qed jiġri madwarna konsegwenza taż-żidiet kbar fil-prezzijiet tal-enerġija. Rajna splużjoni fil-prezzijiet tal-enerġija. Mhux hekk f’pajjiżna. Konna l-unika pajjiż fejn il-prezzijiet tal-enerġija m’għolewx. Sadattant ma rridux ninsew li meta l-aħħar darba li f’pajjiżna għolew il-kontijiet tal-enerġija l-ekonomija kkrollat. Imma dak kien riżultat ta’ nuqqas ta’ għaqal ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista. X’differenza llum!

Stajna u għamilna dan għax gwidati minn prinċipji sodi, ewlieni fosthom ir-ruħ soċjali. Lanqas biss jgħaddilna minn moħħna li ngħabbu lill-familji bi dħul baxx b’toqol ta’ kontijiet tad-dawl. Biex nagħmlu dan inżommu wkoll mal-prinċipju li naħdmu biex ikollna stabilità ekonomika. Biex ikollna l-finanzi tal-pajjiż verament fis-sod.

B’riżultat tal-istabilità li qegħdin inżommu fl-enerġija u fil-prezzijiet tal-fjuwil, biż-żidiet ġodda li daħħalna fiċ-Children’s Allowance, biż-żidiet ġodda li tajna lill-pensjionanti, biż-żidiet kbar lil dawk l-aktar vulnerabbli, fosthom lill-persuni b’diżabilità qegħdin ngħinu qatigħ lill-familji Maltin u Għawdxin. Qegħdin ngħinu wkoll mhux ftit lil dawk li jkunu qegħdin jippjanaw li jkollhom dar tagħhom biex fiha jibdew familja. Lil dawn qegħdin nagħtuhom €10,000 meta jkunu qegħdin jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. Ma tieqaf qatt issemmi l-benefiċċji mħabbra fil-baġit għal din is-sena.

Ma jfissirx li kollox huwa ward u żgħar. Ma jfissirx li m’hawnx min qiegħed jiffaċċja problemi. Xejn u ħadd m’hu kompletament perfett. Imma la darba jkollok ir-rieda, id-determinazzjoni li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura allura tibqa’ tkun xprunat biex tilħaq dawn l-għanijiet.

Kif qal fl-introduzzjoni tiegħu għall-Baġit 2023 il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, minkejja l-isfidi kollha li sibna ma’ wiċċna, bħala Gvern u bħala poplu, pajjiżna xorta waħda kien, għadu u se jibqa’ wieħed sod. U għax pajjiż sod se jkun possibbli li noħolqu l-ġid biex permezz tiegħu jkunu jistgħu jitwieżnu dawk l-aktar fil-bżonn. 

Dan huwa dak li wera l-passat, dak huwa li qed juri l-preżent u lejn dak se nkomplu nħarsu fejn jirrigwarda l-futur ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport