Wednesday, April 29, 2026

Il-Prim Ministru jħabbar aktar proposti

Aqra wkoll

Fit-tieni ġurnata tal-kampanja elettorali, il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela ħabbar aktar proposti li huma nklużi fil-manifest INT MALTA li se jwassal għall-elezzjoni ġenerali li se ssir fit-30 ta’ Mejju li ġej.

L-ewwel miżura li ħabbar il-Prim Ministru kienet dik li l-istudenti se jkunu qegħdin igawdu żieda oħra ta’ 15% fl-istipendji tagħhom.

“Naf kemm studenti jkunu qed iħarsu wkoll ‘il quddiem għal esperjenza ta’ studju barra, f’xi università jew kulleġġ ieħor,” qal il-Prim Ministru filwaqt li ħabbar li studenti li jmorru għal esperjenzi edukattivi barra l-pajjiz, bħal Erasmus, ser jirċievu grant ta’ €1,000.

Roħs fit-taxxa tal-boll għall-first-time 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Abela qal li issa r-roħs fit-taxxa tal-boll  għall-first-time buyers saret skema permanenti “se nkunu qegħdin nagħtu għajnuna ikbar liż-żgħażagħ billi ngħollu l-ammont eżentat mill-ħlas tat-taxxa tal-boll minn €200,000 għal €300,000,” qal il-Prim Ministru Abela. 

B’hekk il-first-time buyers ser jiffrankaw €5,000 oħra f’taxxa li jistgħu jużaw biex ikopru spejjeż oħra, inkluż il-finishings tal-post. 

Tkellem ukoll dwar l-10% eposit scheme, li tassisti l-first time buyers li minkejja li jkunu intitolati għal self mill-bank, ma jkollhomx bizzejjed biex iħallsu l-10% meħtieġa mal-iffirmar tal-konvenju. 

“Din l-iskema kienet diġà ta’ għajnuna għal eluf ta’ persuni. Se nsaħħuha billi ngħollu l-valur tal-proprjeta eleġibbli minn €250,000 għal €300,000,” tenna l-Prim Ministru Abela.

Minbarra d-depożitu akkont tal-prezz, min qed jixtri proprjeta jrid iħallas it-taxxi stabbiliti bil-liġi, l-ispejjeż marbuta mar-reġistrazzjoni tal-kuntratt, ir-riċerki u drittijet notarili. 

“Iżda, biex inkomplu ngħinu se nirrifondu lura lill-first-time buyers €1,200 għall-ispejjes tar-riċerki u spejjez ohra inkluz tan-Nutar relatati mal-kuntratt tax-xiri,” kompla jgħid il-Prim Ministru. 

B’hekk – bejn l-aġġustament fit-taxxa tal-boll u r-rifużjoni tar-riċerki u spejjez notarili, il-first-time buyers se jiffrankaw b’kollox €6,200 oħra li jistgħu jużawhom biex jagħmlu l-finishings jew jimlew il-post tagħhom bl-għamara, jew kif jippreferu huma.

L-iskema My First Home li ġiet imnedija bieraħ u li hi tant b’saħħitha. Kif ukoll l-elf ewro fis-sena għal għaxar snin li se tibqa’ tingħata. Qed nitkellmu fuq għexieren ta’ eluf ta’ ewro li se jibqgħu fil-bwiet taż-żgħażagħ tagħna. 

Anke l-iskema our next home għall-ġenituri li jridu jkabbru d-dar għax il-familja se tikber, li ħabbarna lbieraħ, se tkun iktar b’saħħitha b’dak li qed inħabbru dalgħodu.  

“Għax il-familja tibqa’ dejjem fiċ-ċentru tal-politika tagħna,” qal il-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru ħabbar ukoll żewġ miżuri oħra maħsuba biex ikunu ta’ spalla għall-ġenituri. 

Il-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà se jibqgħu jħallsu t-taxxa bir-rata tal-ġenituri sakemm uliedhom jagħlqu tlieta u għoxrin (23) sena, u f’każ ta’ tfal b’diżabilità severa, sakemm idumu jieħdu ħsibhom. 

Fl-aħħar snin żidna l-carers’ grant għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà severa minn ħames mitt ewro (€500) għal nofs il-paga minima. Deċiżjoni li għamlet differenza kbira f’ħajjet dawn il-familji, fejn ġenituri ma jkunux jistgħu jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom. 

“Wasal iż-żmien li din il-grant terġa’ tissaħħaħ, u tirdoppja – biex b’hekk il-carers granet tiġi ekwivalenti għall-paga minima,” tenna l-Prim Ministru. 

Bolol tal-pensjonanti u romol

“Se nagħmluha possibbli wkoll li koppja tista’ tittrasferixxi bejnietha sa ħames snin kontribuzzjonijiet żejda mħallsa biex il-parti li m’għandhiex bolol biżżejjed, tkun tista’ tikkwalifika għall-pensjoni minima,” ħabbar il-Prim Ministru Abela. 

Dawk li diġà ħallsu d-differenza jistgħu jittrasferixxu l-bolol żejda xorta waħda u jtejjbu l-pensjoni tagħhom.

Fl-2027 se tiġi fi tmiema r-riforma fil-pensjoni tar-romol, biex mis-sena d-dieħla r-romol ser jibdew jirċievu l-pensjoni sħiħa tal-konjugi li jkun miet. 

Ir-romol li kellhom id-dritt għall-pensjoni tagħhom u tilfuha meta romlu biex jieħdu l-pensjoni tar-romol, ser jaraw il-pensjoni tagħhom tiżdied b’20% bħala forma ta’ kumpens għall-pensjoni li tilfu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport