It-30 ta’ Mejju hija l-ġurnata magħżula biex il-poplu Malti jwieġeb għas-sejħa biex jagħmel għażla. Għażla tad-direzzjoni li pajjiżna se jimxi fiħa fil-ħames snin li ġejjin. Il-Partit Laburista qiegħed jersaq ‘l quddiem b’viżjoni u pjan għal pajjiż li fil-jiem tal-kampanja se jkun qed jiġi imħabbar ġurnata wara oħra iżda fl-istess ħin, il-Partit Laburista, se jersaq ‘l quddiem bi track record ta’ gvern li jwettaq dak li jwiegħed.
Fix-xħur li għaddew, il-gvern Laburista ħadem bi sħiħ biex ifassal viżjoni għal pajjiżna li għandħa twassalna sas-sena 2050. Viżjoni li se twassal għal Malta Aqwa. Viżjoni li tibni fuq is-suċċessi li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin u li tindika liema huma l-aġġornamenti li rridu nagħmlu fil-mod kif dan il-pajjiż jaħdem biex jinkisbu suċċessi ġodda fil-futur.
Fl-istess ħin, il-gvern Laburista, bil-fatti wettaq il-wegħdi elettorali li saru qabel l-aħħar elezzjoni. It-twettieq ta’ dawn il-miżuri huma xħieda li dak li jwiegħed il-Partit Laburista huwa impenn ċar mal-poplu u rabta li dak li jiġi mwiegħed jitwettaq mill-gvern jekk il-poplu jagħtiħ il-fiduċja tiegħu.
Tul dawn l-aħħar snin, parti mill-ħidma tiegħi kienet marbuta ma’ proċess li kien jitwettaq ta’ kuljum flimkien mal-uffiċċju tal-Prim Ministru. Ħidma li biha kien isir ko-ordinament u sorvelja kontinwa biex jitwettaq il-manifest elettorali. Flimkien max-xogħol relatat mal-proġetti iffinanżjati b’fondi Ewropej, dan ix-xogħol ta’ kordinament kien ilaqqani ta’ kuljum mal-kollegi u bosta uffiċċjali lkoll impenjati biex jitwettqu bosta miżuri ta’ benefiċċju għal pajjiżna.
Mument tal-Għażla
Issa li tħabbret id-data tal-elezzjoni, il-poplu Malti se jkollu l-opportunità li jiżen biex jara liema triq għandu jsegwi pajjiżna. Se jkun qed jiżen min jista’ joffri stabbiltà għal pajjiżna fi żminijiet ta’ tant inċertezza fuq livell internazzjonali. Il-poplu se jkollu għażla quddiemu bejn min meta kien fit-tmexxija tal-pajjiż tefa’ l-piżijiet tal-prezzijiet internazzjonali fuq in-nies u min ra biex jinvesti parti mill-ġid li inħoloq biex l-impatt fuq il-familji jiġi mtaffi.
L-għażla li għandu l-poplu hija bejn min qed jitkellem dwar ħafna affarijiet iżda mhux qed jissostanza dak li qed jgħid u min għandu track record ta’ tkabbir ekonomiku sena wara oħra u li wassal biex ikun hawn l-inqas rata ta’ qagħad minkejja l-isfidi kollha li ġabu magħhom dawn l-aħħar snin.
Kien hemm żminijiet fejn pajjiżna kien għotor taħt piż ta ‘tmexxija li kienet qatgħet qalba iżda fl-aħħar snin rajna pajjiżna jikber fl-ambizzjoni tiegħu. Dan wassal biex il-fiduċja tal-Maltin f’pajjiżna kompliet tikber u llum, qed inħarsu ‘l quddiem lejn żminijiet fejn pajjiżna jista’ jagħmel suċċessi akbar. L-esperjenża tal-Partit Laburista fil-gvern qed isservi biex gvern Laburista ġdid ikun jista jibni fuq it-tajjeb li seħħ iżda fl-istess ħin jinbidel dak li hemm bżonn jiġi aġġornat jew għax ma tax ir-riżultati imfassla jew għax m’għandux jgħodd fiż-żmien tal-lum.
Fil-jiem ta’ din il-kampanja elettorali, il-poplu Malti se jkollu l-opportunità jifli min għandu pjan ċar għal pajjiżna u min verament huwa lest biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida jista’ jkompli jkattar il-ġid f’pajjiżna u jara li l-ġid jasal għand kulħadd.
Proġett ta’ Richmond Foundation
Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u Dr Lydia Abela, din il-ġimgħa attendejt għat-tnedija ta’ proġett mill-aktar ambizzjuż u ta’ fejda kbira ta’ Richmond Foundation. Il-proġett tal-Wellbeing Ċentre fil-Mosta huwa intiż biex joffri aktar servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali. Richmond Foundation għandħa storja ta’ suċċess fil-qasam tas-saħħa mentali. Tat u qed tagħti kontribut b’saħħtu speċjalment fejn jidħlu servizzi fil-kommunità.
Il-proġett Wellbeing Centre kiseb finanzjament ta’ aktar minn ħames miljun euro minn fondi Ewropej. Finanzjament li se jservi ta’ appoġġ b’saħħtu biex dan il-proġett jitwettaq b’suċċess.
Iż-żjara li kellna urietna kemm huma estensivi s-servizzi li tati Richmond Foundation u kemm l-impenn ta’ din il-fondazzjni qed tagħmel differenża għal persuni ta’ etajiet differenti u ta’ bosta familji. IL-kollaborazzjoni bejn il-gvern u Richmond Foundation hija għajn ta’ wens u kura għal bosta persuni.
Okkażjoni bħal din mhux biss hija opportuntà biex jintwera kif għażliet għaqlija ta’ fondi Ewropej isostnu proġetti li jwasslu f’investiment dirett fin-nies, imma huma opportunità biex nuru bil-fatti kif titwettaq politika ta’ servizz għal oħrajn.


