Saturday, February 22, 2025

Il-Prim Ministru Robert Abela jinawgura fabbrika ġdida ta’ investituri Maltin li espandew bl-operat tagħhom

Aqra wkoll

Fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida ta’ E&L Enterprises li espandiet minn mal-fabbrika li kellha għal oħra bi spazju ġdid ta’ 4,000m2. Dan l-investiment fil-fabbrika l-ġdida jiżboq iż-€2.6 miljun u jikkumplimenta investiment ieħor li sar mill-kumpanija f’makkinarju ġdid. Dan l-investiment sar ukoll bil-għajnuna ta’ skemi ta’ appoġġ tal-Malta Enterprise u INDIS tat l-allokazzjoni tal-art fejn inbniet il-fabbrika l-ġdida biswit dik ta’ qabel.

F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din il-kumpanija li hi fdata wkoll bi proġetti infrastrutturali f’pajjiżna bdiet b’negozju tal-familja self-employed u llum tħaddem in-nies u espandiet. Saħaq li negozji bħal dawn huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk ħaqqhom kull appoġġ.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif aktar investiment ta’ kwalità qed isir f’pajjiżna. Qal li s-settur tal-manifattura huwa qasam li b’investiment qed jagħti l-valur miżjud lill-ekonomija. Hawn fisser l-istrateġija tal-Malta Enterprise li qed tiffokka fuq appoġġ lil investimenti li jagħtu aktar kwalità milli kwantità. Fil-fatt spjega kif fl-aħħar tliet snin, bejn l-2022 u l-2024, il-Malta Enterprise approvat investimenti ta’ investituri Maltin li jlaħħqu l-€132 miljun u li huma ta’ kwalità. “L-għażliet li qed tagħmel il-Malta Enterprise huma strateġiċi biex nattiraw investimenti li jġibu teknoloġiji avvanzati”, spjega Dr Abela.

Il-Prim Ministru sostna li l-investitur Malti huwa ħolqa importanti fil-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna u għalhekk ukoll l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. Dwar dan titkellem ukoll il-Malta Labour Migration Policy li wara l-proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ issa hemm l-analiżi tal-proposti li daħlu biex tibda mbagħad il-fażi tal-implimentazzjoni tal-miżuri. Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-importanza tat-taħriġ vokazzjonali u s-saħħa tal-ekonomija li tibqa’ tattira investiment li jissarraf f’suċċess.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali ta’ E&L Enterprises Joseph Camilleri rringrazzja lill-Gvern tal-appoġġ u l-fiduċja fl-investiment li wettqet il-kumpanija u spjega kif it-taħriġ kontinwu fil-ħaddiema jibqa’ pedina importanti fis-suċċess tal-kumpanija. Qabel l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika u ra l-makkinarju ġdid u l-operat tal-kumpanija. Hemmhekk ra wkoll struttura li qed tinħadem għall-proġett maġġuri tal-Imsida Creek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport