Saturday, December 21, 2024

Il-Programm Ewropew għax-xhur li ġejjin

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara xhur ta’ nuqqas minħabba l-pandemija, attendejt għas-sessjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew li din id-darba saret fi Brussell. Matul din is-sessjoni kellna d-dibattitu mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen dwar l-istat tal-Unjoni Ewropea. 

Kienet ġimgħa pożittiva għax ħadt ir-riżultat ta’ xhur ta’ ħidma. Il-vot dwar l-emissjonijiet mill-karozzi kien suċċess. F’din il-ligi kont qed ninnegozzja f’isem is-Soċjalisti u Demokratiċi. Ħdimt biex ikollna proposta tal-Parlament Ewropew li toffri serħan il-moħħ lill-konsumaturi li l-karozza li għandhom ma tniġġiżx aktar milli jgħidilna minn jimmanifattura l-karozzi. Ir-reviżjoni ta’ din il-liġi, magħrufa bħala Type Approval kienet meħtieġa biex nippruvaw nevitaw skandlu ieħor bħal ta’ Dieselgate fl-2015. Dakinhar kien instab li  l-industrija tal-karozzi fl-Unjoni Ewropea kienet qed tqarraq dwar kemm fil-verità kienu qed iniġġsu l-karozzi.

Issa l-Parlament Ewropew qabel li għandu jkun hemm limiti aktar stretti. Dan ir-riżultat stajna nakkwistawh wara li ħdimt biex ħloqna alleanza bejn tlett gruppi ewlenin li wasslet biex il-partit politiku tal-PPE kellu bilfors jingħaqad magħna. Għalijja s-saħħa tan-nies hija prijorità, aktar w aktar meta t-teknoloġija biex innaqqsu t-tniġġiż tkun teżisti. 

Matul din il-gimgha bħala Viċi President tal-S&D għall-Green Deal Ewropew, ħdimt fuq il-pożizzjoni tal-grupp politiku tagħna dwar il-politika komuni agrarja. Il-bidwi, speċjalment il-bidwi ż-żgħir li llum irid jikkompeti ma’ kumpaniji kbar b’riżorsi akbar, irid ikun protett. L-agrikoltura għandha rwol importanti fil-qasam tal-klima u s-sostenibbiltà u għalhekk irridu nassiguraw li l-bdiewa jkollhom l-għodda u l-ħiliet neċessarji biex jgħinu nindirizzaw dan. Covid19 urietna kemm il-ħidma tal-bidwi hija bżonnjuża għall-komunità biex ikun assigurat l-ikel, prodott frisk u ġenwin.

L-aktar suġġett diskuss ta’ din il-plenarja kien id-diskors ta’ Von der Leyen. Filwaqt li l-pjanijiet tagħha għal qasam diġitali u ambjentali huma pożittivi, stennejt aktar dwar il-qasam tal-immigrazzjoni. Il-kliem li ntqal ma kien xejn ġdid u ma offra l-ebda soluzzjonijiet li qed ikun ittamat li jidhru fil-Patt il-ġdid dwar l-Immigrazzjoni li se jkun qed jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin. Jekk mhux se jkun hemm soluzzjonijiet ġodda u tanġibbli m’hu se jinbidel xejn.

Ekonomija

Sport