Bejn ilbieraħ u llum, il-pubbliku inġenerali kellu l-opportunità li jżur il-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana u jsir jaf aktar dwar l-istorja ta’ din il-binja u anke jara l-proġetti ta’ restawr li qed isiru fiha. Din kienet it-tieni darba li ttellgħet din l-open weekend fil-Kurja, magħrufa bħala “Casa Manresa”, u li għaliha attendew bosta familji.

Dawk li attendew setgħu jgħaddu minn kurituri mżewqa b’diversi opri tal-arti u arkitettura, iżuru x-xogħol artistiku tas-sala tar-refittorju u anke jipparteċipaw f’diversi taħditiet informattivi. Għall-ewwel darba, il-pubbliku seta’ jinżel ukoll fil-kripta li tmur lura 280 sena u li tinsab taħt il-bini tal-Kurja.

Fl-istess waqt, kienu għaddejjin erba’ esebizzjonijiet: wirja b’dokumenti storiċi Maltin waqt il-pontifikat tal-Papa Piju XII, wirja dwar il-Beatu Nazju Falzon, filwaqt li fl-ewwel sular se jkunu esebiti 15-il pittura tal-artist Malti Joseph Calleja kif ukoll diversi oġġetti u filmati marbuta mal-erba’ żjarat f’Malta mill-Papiet fis-snin li għaddew.

L-Orizzont żar din il-wirja fejn tkellimna mal-Arċisqof Charles J. Scicluna li spjegalna aħjar l-istorja ta’ din il-binja. “Dan huwa post antik ħafna. Beda bħala dar tal-irtiri fi żmien il-Kavallieri f’idejn il-Ġiżwiti. Imbagħad sar is-Seminarju tal-Arċidjoċesi. Hawnhekk kienu jitħarrġu s-saċerdoti u kienet ukoll skola sekondarja. Meta Mons. Ġużeppi Mercieca trasferixxa s-seminarju għal tal-Virtù hawnhekk sar il-kwartieri tal-Knisja f’Malta,” qal l-Arċisqof.

Huwa kompla jispjega li peress li llum inzertat il-festa ta’ San Kalċidonju, il-martri li tiegħu għandna l-fdalijiet taħt l-art f’din l-istess binja, kien deċiż li jgħaqqdu din il-festa mal-open weekend.