Raġel ta’ ġilda skura ieħor maqtul ġimgħat qabel seħħ il-każ ta’ Floyd… “Black Lives Matter” bi protesti u ġlied
Minn Carmen Cachia
Il-mewġa ta’ protesti mill-poplu Amerikan kontra l-vjolenza mill-pulizija fuq iċ-ċittadini kompliet hekk kif qraba ta’ vittma oħra f’konferenza tal-aħbarijiet ħabbret l-allegat qtil f’dak li suppost kien sempliċi intervent ta’ għajnuna minħabba problemi tas-saħħa mentali.
Daniel Prude, raġel ta’ ġilda skura ta’ 41 sena, bl-istess tattika li rriżultat fatali fuq George Floyd, inżamm bil-forza mal-art sakemm waqaf jieħu nifs. Prude spiċċa brain dead wara l-inċident mal-pulizija f’Rochester u miet sebat ijiem wara, fit-30 ta’ Marzu, meta ntfewlu l-magni fl-isptar li ġie rikoverat fih.
L-awtopsja kkonkludiet li l-kawża tal-mewt kienet omiċidju kkawżat minn kumplikazzjonijiet fin-nifs minħabba li kien miżmum fiżikament milli jiċċaqlaq, intossikazzjoni, kif ukoll minħabba dillirju li qabdu għax kien eċċitat ħafna.
L-inċident fatali seħħ fit-23 ta’ Marzu, ġimgħat qabel George Floyd tilef ħajtu minn taħt idejn il-pulizija f’Minnesota. Fil-każ ta’ Floyd in-nazzjon kollu tella’ mewġa ta’ protesti kbar, iżda dan ma kienx fil-każ ta’ Prune minħabba li ħadd ma kien għadu jaf x’ġara sakemm il-familja ddeċidiet li tirritalja.
Il-familja ta’ dan il-vittma tellgħet konferenza fejn uriet pubblikament filmati tal-aħħar mumenti ta’ ħajjet Prude, kif ukoll ippreżentat rapporti bil-miktub li kisbet mill-uffiċċju tad-dokumenti pubbliċi.
Ħu Prude, Joe Prude, saħaq li kien ċempel lill-pulizija biex ħuh jingħata l-għajnuna u mhux biex jinqatel. Fil-konferenza tal-aħbarijiet huwa staqsa, “kif meta rajtuh ma ndunajtux li r-raġel mhuwiex ta’ theddida għall-pubbliku u ħallejtuh għarwien mal-art? Kien diġà bil-manetti. Kemm aktar minn ħutna se jkollhom imutu qabel ma s-soċjetà tifhem li dan it-tip ta’ aġir għandu jieqaf?”
Kif ħarġet din l-aħbar, iċ-ċittadini ħassew rabja kbira u għadd ta’ dimostranti marru fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija ta’ Rochester u damu quddiemu sakemm dalam fejn talbu li l-uffiċjali involuti jitressqu l-qorti akkużi bi qtil.
Matul din il-protesta l-midja lokali rrapportat li kien hemm disa’ persuni arrestati fejn attivist minnhom kellu jittieħed l-isptar minħabba li sofra ġrieħi waqt l-arrest.
X’ġara fil-lejl tal-arrest ta’ Prude?
Iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-inċident fatali bdew madwar it-3.15 ta’ filgħodu tat-23 ta’ Marzu, meta Joe Prude ċempel 911 biex jitlob assistenza għal ħuh li sofra episodju gravi ta’ disturb mentali. Prude telaq mir-residenza ta’ ħuh ftit qabel u kien liebes biss qalziet ta’ taħt, flokk u kalzetti. Huwa u beda jimxi f’West Main Street neża l-bqijja tal-ħwejjeġ li kellu fuqu.
Il-pulizija qalu li huma jemmnu li Prude kien qiegħed ikisser twieqi huwa u miexi sakemm sa fl-aħħar waqqfuh il-pulizija. Għadd ta’ persuni li kienu fl-inħawi rawh u kien hemm mill-inqas wieħed li ċempel 911 biex jirrapporta li kien hemm raġel “b’imġieba erratika”.
Prude twaqqaf mill-kuntistabbli Mark Vaughn li ppontalu taser u ordnalu biex jimted mal-art u jpoġġi jdejh wara dahru. Dawn l-ordnijiet Prude sewgihom kif suppost.
L-uffiċjal Vaughn poġġa l-manetti fuq Prude waqt li dan tal-aħħar kien wiċċu mal-art fejn mill-filmati jidher li s-suspettat beda jgħajjat u jibżoq. Huwa jidher għarwien ħuta mimdud mal-art mimlija borra.
Wara tliet minuti ta’ filmat wieħed mill-pulizija jidher jgħammad wiċċ Prude wara li pprova jobżoq lejh. Huwa allegat li l-vittma qalilhom li għandu l-Covid-19. New York li kienet xi darba l-epiċentru tal-virus fl-Istati Uniti, kien għadu fl-istadji inizjali tal-pandemija fiż-żmien li fih seħħ dan l-inċident.
Fil-filmati Prude deher eċċitat ħafna fejn beda jgħajjat u jisfida lill-pulizija. Dawn tal-aħħar jidhru jiddieħku bih hekk kif daru madwaru. Fil-mument li l-arrestat, il-vittma pprova jqum fuq saqajh u l-pulizija dehru jimbottawh lura l’isfel sa anke sabbtulu rasu mal-art.
Fil-filmat Prude jinstema’ jitlob biex ineħħulu l-għamad minn ma’ wiċċu u li qal, ‘qegħdin jipprovaw joqtluni’. Wara din il-karba r-raġel instema’ jagħmel ħsejjes ta’ persuna miġugħa u ma baqax jinftiehem dak li kien qiegħed jipprova jgħid.
Għal aktar minn żewġ minuti l-pulizija żammew b’forza lil Prude mal-art fil-kesħa fejn il-kuntistabbli Vaugh uża jdejh it-tnejn biex jagħfas sider Prude mal-art. Uffiċjal ieħor uża rkopptejh biex ikomplu jżommuh mal-art, mentri t-tielet uffiċjal beda jżommlu saqajh ‘l isfel.
Prude instema’ jgħajjat waqt li żammewh mal-art fejn il-pulizija baqgħu jinsistu biex jieqaf jobżoq. Dan sakemm il-pulizija bdew jitħassbu wara li minn ħalq Prude beda joħroġ ħafna ilma. Għall-bidu dawn ħasbuh li qiegħed jirreġetta u anke bdew jidħku bih, iżda r-raġel ta’ 41 sena f’daqqa waħda waqaf zopptu u ħassu ħażin.
Wieħed mill-pulizija ġibed l-attenzjoni tal-oħrajn li Prude kien ilu barra għarwien fil-kesħa u mal-art għal ħin mhux ħażin u meta waslet l-ambulanza, il-pulizija nnotaw li m’għandux sinjali ta’ ħajja. Proprju għalhekk, huma neħħewlu l-manetti u dawruh wiċċu ‘l fuq u bdew jagħtuh l-għajnuna. 11-il minuta wara li beda l-inċident mal-pulizija, Prude ddaħħal f’ambulanza u tpoġġa fuq makkinarju assistiv minħabba li kien kien iċċertifikat brain dead. Huwa miet sebat ijiem wara.
Il-familja se tfittex għad-danni…
L-avukat tal-familja, Elliot Shields, qal li f’idejh għandu 80 minuta ta’ filmati u li sa fejn jaf huwa, ma ttieħdu ebda passi dixxiplinarji fil-konfront tal-pulizija involuti. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li għamlet il-familja ta’ Prude, huma ħabbru wkoll li se jfittxu għad-danni lil kull min huwa responsabbli għall-mewt tal-għażiż tagħhom.
Prude, oriġinarjament minn Chicago, mar Rochester b’ferrovija minn Amtack nhar it-22 ta’ Marzu li għadda biex iqatta’ xi ġranet għand ħuh. Skont rapport minn investigaturi tal-affarijiet interni, irriżulta li huwa tkeċċa minn fuq din il-ferrovija minħabba mġieba mhux f’postha.
Fis-7 ta’ filgħaxija tal-istess jum, il-pulizija ta’ Rochester ħadu lil Prude għal evalwazzjoni tal-istat mentali tiegħu wara li stqarr li kellu xi ħsibijiet suwiċida. Dan ġara tmien sigħat qabel l-inċident li wassal għall-mewta tiegħu. Rigward dan, ħuh ilmenta li Prude kien inżamm l-isptar għall-kura li kellu bżonn għal ftit sigħat biss.
Din il-belt waqqfet l-investigazzjonijiet tagħha dwar il-mewt waqt arrest minħabba li l-avukat ġenerali tal-istat, Letitia James bdiet l-investigazzjonijiet tagħha f’April. Taħt il-liġi ta’ New York, imwiet ta’ persuni mhux armati li jseħħu waqt li jkunu fil-kustodja tal-pulizija, jiġu indirizzati mill-uffiċċju tal-avukat ġenerali fejn jidħlu aktar fid-dettal tal-avvenimenti li wasslu għal fatalità “minn taħt idejn il-liġi”.
IN TEXT QOUTE BREAK:
Ħu Prude saħaq li ċempel lill-pulizija biex ħuh jingħata l-għajnuna u mhux biex jinqatel
Seperate in shaded box or open outline if possible please + Pixes: Black lives matter, protesti 1, 3
Il-poplu f’għajta u karba kollettiva għall-ġustizzja
Il-poplu Amerikan qiegħed għal darb’oħra joħroġ fit-toroq u jagħmel dimostrazzjonijiet biex jirritaljaw għal din is-sitwazzjoni f’pajjiżhom. Anke bħal fil-każ ta’ Floyd, issa qegħdin jitolbu li l-pulizija involuti fil-mewt ta’ Prude jitressqu l-qorti akkużati bi qtil u li jitkeċċew mid-dipartiment sakemm ikunu għaddejjin il-proċeduri legali.
“Għal diversi drabi, il-pulizija wrewna li m’humiex imħarrġa biex jagħmlu intervent adegwat f’każijiet li fihom huma involuti persuni b’mard mentali. Dawn l-uffiċjali tal-ordni pubblika huma mħarrġa biex joqtlu u mhux biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Dawn il-pulizija tħarrġu biex jirredikolaw minflok jagħtu s-sostenn meħtieġ lil Daniel Prude,” sostniet Ashley Gantt mill-Free the People ROC.
Waqt id-dimostrazzjoni li ttellgħet quddiem il-kwartieri ġenerali tal-pulizija f’Rochester, kien hemm ħafna rabja li rriżultat fi ġlied, tant li kien hemm dimostranti li kellhom jittieħdu l-isptar minħabba ġrieħi li sofrew waqt l-arrest. Il-ġlied bejn il-pulizija u l-persuni li marru għall-protesta eskala tant li l-uffiċjali waslu anke biex jużaw il-pepper spray.
Il-persuni li kienu jafu lill-vittma ddeskrivewh bħala raġel ta’ qalb tajba, intelliġenti u li kien iħobb il-familja. Imlaqqam “Rell”, Prude kien missier ta’ ħames itfal maġġorenni u kien jaħdem f’maħżen. Prude kien għadda minn trawma wara t-telfa riċenti ta’ ommu u ħuh barra li kien tilef ħuh ieħor fis-snin ta’ qabel.
F’dawn l-aħħar xhur huwa kien iqassam il-ħin tiegħu bejn Chicago u d-dar ta’ ħuh f’Rochester minħabba li ried iqatta’ ħafna aktar ħin miegħu. Il-qraba kienu jafu li kellu xi problemi psikoloġiċi imma jingħad li jumejn qabel il-mewt tiegħu, huwa kien deher normali. Zitu, li tant kienet tħobb, sostniet li minkejja li ma kinitx taf eżattament x’kienet is-sitwazzjoni fil-ħin tal-arrest tan-neputi tagħha, saħqet li hija ċerta li ma kienx jistħoqqlu li jinqatel mill-pulizija.
Dimostranti mill-“Black Lives Matter” ukoll inġabru quddiem l-għassa tal-pulizija f’Washington DC wara li l-pulizija sparaw fuq u qattlu lil Deon Kay, ġuvni ta’ ġilda skura wkoll li kellu biss 18-il sena meta tilef ħajtu. Dawn l-omiċidji “razzisti” mill-pulizija Amerikana qegħdin jikkawżaw inkwiet kbir man-nazzjon kollu. Il-poplu xeba’ u qiegħed isemma’ leħnu f’għajta kollettiva biex dawn l-inġustizzji mill-persuni li suppost huma l-ġustizzja, jieqfu mill-aktar fis possibbli u biex dawk li kisru l-liġi, jintbagħtu l-ħabs bħal kull ċittadin ieħor li jinstab ħati ta’ atti kriminali bħal dawn.